You are here: Home Kamra tal-istampa News releases Friefet jew negozju – l-Ewropa jista’ jkollha t-tnejn!
Personal tools

Friefet jew negozju – l-Ewropa jista’ jkollha t-tnejn!

Change language
Published: Nov 30, 2010 Last modified: Dec 13, 2011
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) illum ħarġet ir-raba’ rapport tagħha dwar l-Istat tal-Ambjent u Ħarsa Ġenerali lejn l-Ambjent — SOER2010 — valutazzjoni komprensiva dwar kif u għaliex l-ambjent Ewropew qed jinbidel, u x’qed nagħmlu dwar dan. L-SOER 2010 jikkonkludi li approċċ integrat b’mod sħiħ biex l-Ewropa tiġi trasformata f’ekonomija ħadra b’riżorsi effiċjenti jista’ mhux biss jirriżulta f’ambjent tajjeb għas-saħħa, iżda jista’ jsaħħaħ ukoll il-prosperità u l-koeżjoni soċjali.

Ma hemm l-ebda soluzzjoni sempliċi iżda r-regolaturi, in-negozji u ċ-ċittadini jeħtieġ li jaħdmu flimkien u jsibu modi innovattivi kif jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Iż-żerriegħa għal azzjoni futura teżisti: il-biċċa xogħol li jmiss hija li ngħinuha trabbi l-għeruq u tiffjorixxi.

Prof. Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Il-valutazzjoni l-ġdida tal-EEA turi li d-domandi globali għar-riżorsi naturali għat-tmigħ, tlibbis, akkomodazzjoni u trasport tan-nies qegħdin jiżdiedu. Dawn it-talbiet li qegħdin jakkumulaw fuq il-kapital naturali qegħdin jagħmlu iżjed pressjoni fuq l-ekosistemi, l-ekonomiji u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa u f’postijiet oħra. Madankollu, is-SOER2010 jikkonferma li politika ambjentali mfassla tajjeb tkompli ttejjeb l-ambjent Ewropew mingħajr ma thedded il-potenzjal tat-tkabbir tal-Ewropa.

‘Qed nikkunsmaw iktar riżorsi naturali minn kemm huwa ekoloġikament stabbli. Dan huwa minnu kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-pjaneta b’mod ġenerali. It-tibdil fil-klima huwa l-iktar sinjal viżibbli tal-instabilità sa issa, iżda firxa ta’ tendenzi globali tissuġġerixxi riskji sistematiċi ikbar għall-ekosistemi fil-futur. In-natura tal-kriżi finanzjarja attwali għandha ġġegħilna nieqfu biex naħsbu,’ qalet Prof. Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA.

Bidla kompleta għal ekonomija ħadra b’riżorsi effiċjenti teħtieġ li r-riżorsi ambjentali kollha – il-bijodiversità, l-art, il-karbonju, ix-xmajjar, l-ibħra u l-arja li nieħdu nifs minnha – ikunu kkunsidrati b’mod sħiħ fid-deċiżjonijiet dwar il-produzzjoni, il-konsum u l‑kummerċ globali.

‘Ma hemm l-ebda soluzzjoni sempliċi iżda r-regolaturi, in-negozji u ċ-ċittadini jeħtieġ li jaħdmu flimkien u jsibu modi innovattivi kif jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Iż-żerriegħa għal azzjoni futura teżisti: il-biċċa xogħol li jmiss hija li ngħinuha trabbi l-għeruq u tiffjorixxi,’ tikkonkludi McGlade.

Is-SOER2010 jenfasizza wkoll għarfien ikbar tar-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-użu tar-riżorsi u s-saħħa tal-bniedem — u kif għodod bħall-ippjanar tal-ispazju, ir-riforma tat-taxxa ekoloġika, il-prevenzjoni tat-tniġġis, il-prekawzjoni u r-responsabbiltà fl-użu tar-riżorsi jistgħu jkunu l-bażi ta’ approċċ ibbażat fuq il-kapital naturali għall-immaniġġar tagħhom.

 

Sejbiet u rakommandazzjonijiet ewlenin

  • It-tibdil fil-Klima: L-Unjoni Ewropea għamlet progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-emissjonijiet fl-UE-27 għall-2009 jinsabu 17% taħt il-livell tal-1990 u għalhekk qrib ħafna tal-mira tal-bloc li jnaqqas l-emissjonijiet b’20% sal-2020. Madankollu, it-tendenzi settorjali mhumiex kollha pożittivi. L-emissjonijiet fl-UE-27 mit-trasport żdiedu b’24% bejn l-1990 u l-2008.
  • Addattament għat-tibdil fil-klima: Anke jekk l-Ewropa tilħaq il-miri tagħha kollha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-mexxejja dinjija jaqblu dwar miżuri qawwija matul it-taħditiet dwar il-klima li qed isiru bħalissa f’Cancun, il-Messiku, l-Ewropa xorta tkun teħtieġ taddatta għal impatti li huma dejjem preżenti u mistennija. Ġestjoni għaqlija tal-kapital naturali tista’ tgħin fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi.
  • Il-bijodiversità, l-ekosistemi u s-saħħa umana: In-netwerk taż-żoni protetti Natura 2000, li issa jkopri madwar 18% tal-art tal-UE, għen biex jipproteġi speċi f’riskju ta’ estinzjoni u jippriserva spazji ħodor għall-ħin liberu. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u tal-ilma naqqset il-pressjoni fuq il-bijodiversità u n-nies. Min-naħa l-oħra, l-intensifikazzjoni tal-użu tal-art, it-telf ta’ ħabitat u s-sajd żejjed ipprevjenew lill-UE milli tilħaq l-għan tagħha li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010.
  • Soluzzjonijiet integrati b’perspettiva globali: Billi juri l-ħafna rabtiet bejn sfidi differenti, ambjentali u oħrajn, l-SOER2010 iħeġġiġna biex inżidu l-azzjonijiet integrati matul l-oqsma ta’ politika differenti li jittrattaw dawn l-isfidi, sabiex it-titjib isir iktar malajr u l-ko-benefiċċji jkunu massimizzati (eż. niġġieldu t-tibdil fil-klima u ntejbu l-kwalità tal-arja fl-istess ħin).
  • Effiċjenza tar-riżorsi: Is-sigurtà tal-ikel, tal-enerġija u tal-ilma huma raġunijiet ewlenija tal-użu tal-art minħabba li spiss, it-talbiet kunfliġġenti jiżdiedu (eż. għall-ikel, għall-għalf u għall-fjuwil). Rendikont u pprezzar li jqisu b’mod sħiħ l-impatti tal-użu tar-riżorsi huma essenzjali biex jattiraw in-negozju u l-konsumaturi lejn effiċjenza mtejba tar-riżorsi.
  • Involviment taċ-ċittadini: Il-politika weħidha ma tistax twaqqaf jew treġġa’ lura tendenzi ambjentali. Aħna neħtieġu nżidu n-numru ta’ ċittadini impenjati f’li jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent billi ninvolvuhom fil-ġbir ta’ dejta u fil-midja soċjali.

 

Noti lill-editur

Is-SOER huwa r-rapport ewlieni tal-EEA ppubblikat kull ħames snin, immirat sabiex jipprovdi informazzjoni fuq l-istat ta’, it-tendenzi fi, u l-prospetti għall-ambjent Ewropew, inkluż kawżi, impatti u risponsi potenzjali. L-SOER2010 jikkonsisti minn erba’ elementi ewlenin: (i) valutazzjonijiet tematiċi dwar kwistjonijiet ambjentali ewlenin (it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, l-użu tal-art, it-tniġġis tal-arja, l-ambjent marittimu, il-konsum, eċċ) kull waħda akkumpanjata minn fatti u tendenzi rilevanti, (ii) valutazzjoni ta’ tendenzi kbar globali rilevanti għall-ambjent Ewropew, (iii) valutazzjonijiet tal-pajjiż, u (iv) rapport integrat ta’ sinteżi.

Il-valutazzjonijiet kollha tas-SOER jistgħu jinstabu onlajn fuq www.eea.europa.eu/soer.

Dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

L-EEA hija bbażata f’Kopenħagen. L-Aġenzija timmira li tgħin biex jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent Ewropew bilii tipprovdi informazzjoni fil-ħin, immirata, rilevanti u kredibbli lil min ifassal il-politika u lill-pubbliku.

Pajjiżi membri fl-EEA: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja,l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, it-Turkija, ir-Renju Unit. Is-sitt pajjiżi fil-Punent tal-Balkani huma pajjiżi li jikkooperaw: l-Albanija, il-Bożnija u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, l-Ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Dawn l-attivitajiet ta' kooperazzjoni huma integrati fl-Eionet u jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-Proċess ta' Stabilità u Assoċjazzjoni tal-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani.

 

Informazzjoni ta’ Kuntatt

Għal talbiet ta’ midja:

 

Ms Gülçin Karadeniz,

Uffiċjal għall-istampa

Telefon: +45 3336 7172

Mowbajl: +45 2368 3653

gulcin.karadeniz@eea.europa.eu

Ms Iben Stanhardt

Uffiċjal għall-istampa

Telefon: +45 3336 7168

Mowbajl: +45 2336 1381

Iben.stanhardt@eea.europa.eu

 

Document Actions
Kummenti dwar traduzzjonijiet
Jekk jogħġbok, għinna intejbu l-kwalita' tat-traduzzjonijiet.
Sign up now!
Get notifications on new reports and products. Currently we have 33702 subscribers. Frequency: 3-4 emails / month.
Notifications archive
Follow us
 
 
 
 
 

This page was translated by the Translation Centre for the Bodies of the European Union (CdT)

European Environment Agency (EEA)
Kongens Nytorv 6, 1050, Copenhagen K, Denmark.
Phone: +45 3336 7100