You are here: Home Kamra tal-istampa News releases Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE matul l-2005
Personal tools

Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE matul l-2005

Change language
Topics: ,
Published: Jun 15, 2007 Last modified: Apr 13, 2011
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) li jibdlu il-klima naqsu bejn l-2004 u l-2005, skond ir-rapport annwali ta’ inventarju tal-GHG tal-Komunità Ewropea mħejji mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), f’Kopenħagen.

Ir-rapport, ‘Inventarju Annwali tal-Gassijiet Serra tal-Komunità Ewropea 1990-2005 u rapport ta’ inventarju 2007’, kien ippreżentat lis-segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) bħala s-sottomissjoni uffiċjali tal-Komunità Ewropea. L-EEA ppubblikat il-messaġġi preliminari prinċipali tar-rapport f’Mejju 2007 minħabba l-interess pubbliku u politiku fil-kwistjoni tal-bidla fil-klima. Il-verżjoni finali ta’ dan ir-rapport ġiet sottomessa lill-UNFCCC fis-27 ta’ Mejju 2007.

Il-punti ewlenin tar-rapport finali huma:

  • UE-15: L-emissjonijiet ta’ GHGs naqsu b’0.8% (35.2 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2) bejn l-2004 u l-2005 - primarjament minħabba tnaqqis ta’ 0.7% fl-emissjonijiet ta’ CO2 (26 miljun tunnellata).
  • UE-15: L-emissjonijiet ta’ GHGs naqsu bi 2.0% fl-2005 meta mqabbel mas-sena bażi[1] skond il-Protokoll ta’ Kjoto.
  • UE-15: L-emissjonijiet ta’ GHGs naqsu b’1.5% bejn l-1990 u l-2005
  • UE-27: L-emissjonijiet ta’ GHGs naqsu b’0.7% (37.9 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2) bejn l-2004 u l-2005
  • UE-27: L-emissjonijiet ta’ GHGs naqsu b’7.9% meta mqabbla mal-livelli ta’ l-1990

Liema pajjiżi ta’ l-UE-15 juru l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ GHG?

Il-Ġermanja, l-Finlandja u l-Olanda kkontribwew l-aktar għat-tnaqqis ta’ l-UE-15 f’termini assoluti (ara t-tabella fin-Noti għall-Editur). It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 imbotta t-tnaqqis globali fl-emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serra f’dawn il-pajjiżi.

  • Il-Ġermanja naqqset l-emissjonijiet bi 2.3% jew b’ekwivalenti ta’ 23.5 miljun tunnellata ta’ CO2: il-bidla mill-faħam għall-gass fil-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u tas-sħana kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet. Barra minn hekk, l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq u mid-djar u s-servizzi naqsu b’mod sostanzjali.
  • Il-Finlandja naqqset l-emissjonijiet b’14.6% jew b’ekwivalenti ta’ 11.9 miljun tunnellata ta’ CO2: it-tnaqqis fl-emissjonijiet kien dovut primarjament għal tnaqqis sostanzjali fl-użu ta’ fjuwils fossili fil-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u tas-sħana prinċipalment minħabba l-importazzjonijiet ta’ l-elettriku. L-użu tal-faħam, b’mod partikulari, naqas.
  • L-Olanda naqqset l-emissjonijiet bi 2.9% jew b’ekwivalenti ta’ 6.3 miljun tunnellata ta’ CO2: intuża inqas fjuwil fossili għall-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u s-sħana. Is-settur domestiku u dak tas-servizzi użaw inqas fjuwil minħabba xitwa aktar sħuna.

Pajjiżi oħra ta’ l-UE-15 li raw tnaqqis fl-emissjonijiet bejn l-2004 u l-2005 huma: il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u r-Renju Unit.


[1]

Liema setturi huma prinċipalment responsabbli għat-tnaqqis fil-GHG?

F’termini assoluti, is-setturi li kkontribwew għat-tnaqqis fl-emissjonijiet bejn l-2004 u l-2005 fl-UE-15 kienu l-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u tas-sħana, id-djar u s-servizzi u t-trasport bit-triq.

L-emissjonijiet ta’ CO2 mill-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u tas-sħana naqsu b’0.9% (-9.6 miljun tunnellata) prinċipalment minħabba tnaqqis fid-dipendenza fuq il-faħam.

L-emissjonijiet ta’ CO2 mid-djar u s-servizzi naqsu b’1.7% (7.0 miljun tunnellata). Tnaqqis importanti fl-emissjonijiet mid-djar u s-servizzi kien irrappurtat mill-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Olanda. Raġuni waħda ġenerali għal dan it-tnaqqis huma l-kundizzjonijiet aktar sħan tat-temp (xitwa anqas ħarxa) meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

L-emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport bit-triq naqsu b’0.8% (6 miljun tunnellata). Dan huwa attribwit primarjament għall-Ġermanja, u huwa dovut għall-ammont akbar ta’ karrozzi li jaħdmu bid-diesel, l-effetti tat-taxxa ambjentali u x-xiri ta’ fjuwil minn barra l-Ġermanja (turiżmu tal-fjuwil).

Liema pajjiżi ta’ l-UE-15 raw l-akbar żidiet fl-emissjonijiet ta’ GHG?

F’termini assoluti, Spanja huwa l-aktar pajjiż li żied l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bejn l-2004 u l-2005 (ara t-tabella fin-Noti lill-Editur).

Fi Spanja, iż-żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bi 3.6% jew b’ekwivalenti ta’ 15.4 miljun tunnellata ta’ CO2 ġiet primarjament mill-produzzjoni ta’ l-elettriku pubbliku u tas-sħana. Dan huwa dovut għal żieda fil-produzzjoni ta’ elettriku minn power stations fossili termali (17%) u tnaqqis fil-produzzjoni ta’ elettriku minn impjanti ta’ l-idroenerġija (-33 %).

Pajjiżi oħra ta’ l-UE-15 li raw żieda fl-emissjonijiet bejn l-2004 u l-2005 huma: l-Awstrija, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall.

Id-data viewer tal-GHG ta’ l-EEA

Id-data viewer ta’ l-EEA huwa strument interattiv li jippermetti aċċess faċli bil-web ghal informazzjoni prinċipali li hemm fir-rapport ta’ l-inventarju tal-gassijiet serra tal-KE. Id-data viewer tal-GHG jippermetti lill-utent jara u janalizza x-xejriet ta’ l-emissjonijiet għas-setturi prinċipali u s-subsetturi tagħhom. Jiffaċilita wkoll it-tqabbil bejn l-emissjonijiet minn pajjiżi u setturi magħżula. Barra minn hekk, id-data viewer tal-GHG jippermetti l-produzzjoni ta’ grafiċi u t-tniżżil ta’ stimi prinċipali ta’ l-emissjonijiet.

Data Viewer ta’ GHG tal-EEA

Noti lill-Editur:

X’inhu r-rapport ta’ inventarju annwali tal-GHG?

Dan ir-rapport huwa s-sottomissjoni uffiċjali ta’ l-UE lill-UNFCCC dwar l-emissjonijiet domestiċi totali ta’ gass serra għall-perjodu 1990-2005. F’dan il-kuntest, domestiċi tirreferi għall-emissjonijiet minn ġot-territorju ta’ l-UE. Huwa jinkludi informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ GHG għall-UE-15 u l-UE-27. Huwa jispjega wkoll fid-dettall il-proċess li bih l-emmissjonijiet ta’ l-UE jiġu derivati u kif il-kwalità tiġi kkontrollata.

L-EEA hija responsabbli sabiex tikkompila u tippubblika dan ir-rapport kull sena billi tuża l-informazzjoni rrappurtata mill-gvernijiet nazzjonali skond il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ tal-GHG tal-KE.

Kif l-informazzjoni kontenuta fir-rapport tintegra ma’ l-Iskema ta’ Negozjar għall-Emissjonijiet ta’ l-UE?

Fl-2005, l-Iskema ta’ Negozjar għall-Emissjonijiet ta’ l-UE (EU ETS) kopriet madwar 47% ta’ l-emissjonijiet totali ta’ CO2 u madwar 39% ta’ l-emissjonijiet totali ta’ gass serra fl-UE-15. Ġeneralment, l-informazzjoni ta’ l-EU ETS intużat mill-Istati Membri ta’ l-UE bħala input wieħed sabiex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet totali ta’ CO2 għas-setturi ta’ l-Enerġija u tas-Setturi Industrijali f’dan ir-rapport. Madankollu, kwantifikazzjoni espliċita tal-kontribut ta’ l-EU ETS għall-emissjonijiet totali ta’ CO2 fuq livell settorjali u subsettorjali għadha mhix disponibbli għall-UE-15 jew l-UE-25.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan ir-rapport fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kjoto?

L-UE-15 għandha mira komuni taħt il-Protokoll ta’ Kjoto li tnaqqas l-emissjonijiet totali ta’ gass tas-serra bi 8%, meta mqabbel mas-sena bażi. L-UE-27 m’għandhiex mira ta’ Kjoto. Ir-rappurtar uffiċjali għal skopijiet ta’ konformità ma jibdiex qabel l-2010 – meta jiġu rrappurtati l-emissjonijiet għas-sena 2008. Fil-frattemp, dan ir-rapport huwa l-aktar sors ta’ informazzjoni preċiż u rilevanti dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serra għall-UE. Huwa jista’ jintuża sabiex tiġi intraċċata l-prestazzjoni ta’ l-UE f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis domestiku ta’ l-emissjonijiet tas-serra (jiġifieri fi ħdan it-territorju tagħha) bil-għan li jintlaħqu l-miri ta’ Kjoto. Il-partijiet fil-Protokoll ta’ Kjoto huma permessi li jużaw carbon sinks kif ukoll ’l hekk imsejħa ‘mekkaniżmi flessibbli’ sabiex aktar inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serra barra t-territorji nazzjonali tagħhom - bħala suppliment għat-tnaqqis domestiku. Għalhekk, azzjoni domestika hija l-metodu primarju sabiex jinkisbu l-miri ta’ Kjoto. Dan ir-rapport ta’ inventarju jissuġġerixxi li l-emissjonijiet domestiċi ta’ GHGs naqsu b’madwar 2.0% meta mqabbla mas-sena bażi taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.

Tabella 1: Emissjonijiet ta’ gassijiet tas-serra f’ekwivalenti ta’ CO2 (esklużi l-carbon sinks) u l-miri tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-2008–12

Table 1 MT

(1) Għall-UE-15 is-sena bażi għall-CO2, CH4 u N2O hija l-1990; għall-gassijiet miżjuda bil-fluworin, 12-il Stat Membru għażlu l-1995 bħala s-sena bażi, filwaqt li l-Awstrija, Franza u l-Italja għażlu l-1990. Billi l-inventarju ta’ l-UE-15 huwa t-total ta’ l-inventarji ta’ l-Istati Membri, l-istimi tas-sena bażi ta’ l-UE-15 għall-emissjonijiet ta’ gassijiet miżjuda bil-fluworin huma t-total ta’ l-emissjonijiet ta’ l-1995 għal 12-il Stat Membru u l-emissjonijiet ta’ l-1990 għall-Awstrija, Franza u l-Italja. L-emissjonijiet tas-sena bażi ta’ l-UE-15 jinkludu wkoll l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni għall-Olanda, il-Portugall u r-Renju Unit (‘Ir-rapport inizjali tal-Komunità Ewropea taħt il-Protokoll ta’ Kjoto’ (EEA, 2006)).

(2) Malta ma pprovdietx l-istimi ta’ l-emissjonijiet ta’ GHG għall-2005, għalhekk id-dejta pprovduta f’din it-tabella hija bbażata fuq mili tal-vojt (ara Kapitolu 1.8.2.).

(3) L-UE-27 m’għandhiex mira komuni taħt il-Protokoll ta’ Kjoto

Nota: Malta u Ċipru m’għandhomx miri individwali ta’ Kjoto.

X’inhi l-UE-27?

UE-27: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

X’inhi l-UE-15?

UE-15: L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit

Links:

Biex tara r-rapport sħiħ, ara: rapport

Għall-FAQs dwar ir-rapport ta’ inventarju ta’ GHG, ara: FAQ

Biex ikollok aċċess għad-dejta dwar il-GHG, ara: Data viewer ta’ GHG tal-EEA:

Document Actions
Kummenti dwar traduzzjonijiet
Jekk jogħġbok, għinna intejbu l-kwalita' tat-traduzzjonijiet.
Sign up now!
Get notifications on new reports and products. Currently we have 33704 subscribers. Frequency: 3-4 emails / month.
Notifications archive
Follow us
 
 
 
 
 

This page was translated by the Translation Centre for the Bodies of the European Union (CdT)

European Environment Agency (EEA)
Kongens Nytorv 6, 1050, Copenhagen K, Denmark.
Phone: +45 3336 7100