You are here: Home Kamra tal-istampa News releases Nixfa u abbuż ta’ l-ilma fl-Ewropa
Personal tools

Nixfa u abbuż ta’ l-ilma fl-Ewropa

Change language
Published: Mar 17, 2009 Last modified: Apr 13, 2011
Mill-kampijiet tal-golf sal-kotba, miż-żejt taż-żebbuġa sal-vaċċini, l-oġġetti u s-servizzi kollha li niddependu fuqhom, flimkien ma’ ħafna mill-attivitajiet tagħna ta’ kuljum, jeħtieġu riżorsi essenzjali: l-ilma. Rapport ġdid mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) jikkonferma li f’ħafna partijiet tal-Ewropa l-użu ta’ l-ilma mhuwiex sostenibbli u jipprovdi rakkomandazzjonijiet għal approwċ ġdid għall-immaniġġjar tar-riżorsi ta’ l-ilma.

Qegħdin ngħixu lill hinn mill-mezzi tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilma. Is-soluzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-iskarsezza ta’ l-ilma kienet dik li niġbdu saħansitra ammonti akbar ta’ ilma mis-sorsi tal-wiċċ u tal-pjan. L-isfruttament eċċessiv mhuwiex sostenibbli. Dan għandu impatt kbir fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ l-ilma li fadal kif ukoll fuq l-ekosistemi li jiddependu minnu. Irridu nnaqqsu d-domanda, innaqqsu l-ammont ta’ ilma li qegħdin niġbdu u nżidu l-effiċjenza tal-użu tiegħu.

Professoressa Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Ir-rapport tal-EEA ‘Riżorsi ta’ l-Ilma fl-Ewropa – nikkonfrontaw l-iskarsezza ta’ l-ilma u n-nixfa’ jenfasizza li filwaqt li l-Ewropa tan-Nofsinhar qiegħda tkompli tiffaċċja l-akbar problemi ta’ skarsezza ta’ ilma, il-problema ta’ l-ilma qiegħda tiżdied f’partijiet tat-Tramuntana wkoll. Barra minn hekk, it-tibdil tal-klima se jikkawża ż-żieda tal-gravità u l-frekwenza tan-nixfiet fil-ġejjieni u dan ikompli jaggrava l-problema ta’ l-ilma, b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf.

“Qegħdin ngħixu lill hinn mill-mezzi tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilma. Is-soluzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-iskarsezza ta’ l-ilma kienet dik li niġbdu saħansitra ammonti akbar ta’ ilma mis-sorsi tal-wiċċ u tal-pjan. L-isfruttament eċċessiv mhuwiex sostenibbli. Dan għandu impatt kbir fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ l-ilma li fadal kif ukoll fuq l-ekosistemi li jiddependu minnu,” qalet il-professoressa Jacqueline McGlade, Direttur Eżekuttiv tal-EEA. “Irridu nnaqqsu d-domanda, innaqqsu l-ammont ta’ ilma li qegħdin niġbdu u nżidu l-effiċjenza tal-użu tiegħu.”

Riżultati ewlenin u rakkomandazzjonijiet

Jekk nixtiequ li l-attenzjoni fuq livell ta’ mmaniġġjar tgħddi miż-żieda tal-offerta għat-tnaqqis tad-domanda jeħtieġ l-involviment ta’ bosta politiki u prassi differenti:

  • fis-setturi kollha, fosthom l-agrikoltura, il-prezz ta’ l-ilma għandu jiġi ffissat skont il-volum użat;

  • il-gvernijiet għandhom jimplimentaw pjanijiet ta’ mmaniġġjar tan-nixfa b’mod aktar estensiv u għandhom jiffukaw fuq il-ġestjoni tar-riskji aktar milli fuq il-ġestjoni tal-kriżi;

  • l-għelejjel bijoenerġetiċi li jeħtieġu ħafna ilma għandhom jiġu evitati f’żoni karatterizzati minn skarsezza ta’ ilma;

  • permezz ta’ taħlita ta’ selezzjoni ta’ għelejjel u metodi ta’ tisqija, jekk dawn ikunu appoġġjati minn programmi ta’ konsulenza għall-bdiewa, jistgħu jtejbu b’mod sostanzjali l-effiċjenza tal-ilma għall-agrikoltura; il-fondi nazzjonali u Komunitarji inkluża l-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-użu effiċjenti u sostenibbli tal-ilma fl-agrikoltura;

  • il-miżuri ta’ sensibilizazzjoni tal-opinjoni pubblika, bħall-ekotikkettar, l-ekoċertifikazzjoni, il-programmi edukattivi fl-iskejjel, huma essenzjali biex isir użu sostenibbli ta’ l-ilma;

  • għandu jiġi indirizzat il-ħruġ ta’ ilma fis-sistemi ta’ provvista tal-ilma pubblika.  F’xi partijiet fl-Ewropa, it-telf ta’ ilma minħabba ħruġ jista’ jaqbeż l-40 % tal-provvista totali;

  • l-estrazzjoni llegali ta’ l-ilma, l-aktar għall-użu agrikolu, hija mifruxa sew f’ċerti żoni tal-Ewropa. Għandha tiġi stabbilita kemm sistema ta’ sorveljanza xierqa kif ukoll sistema ta’ multi u penali biex jindirizzaw din il-kwistjoni;

  • l-awtoritajiet għandhom joħolqu inċentivi għal użu akbar ta’ provvisti ta’ ilma alternattivi, bħalma huma ilma għar-rimi trattat, ilma griż kif ukoll ilma tax-xita ‘miġbur’, biex jgħinu sabiex tonqos il-problema tan-nuqqas ta’ ilma.

Ħarsa ġenerali lejn l-użu tal-ilma fl-Ewropa

Fl-Ewropa kollha, 44 % tal-estrazzjoni tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, 24 % għall-agrikoltura, 21 % għall-provvista tal-ilma pubblika u 11 % għall-industrija. Madankollu, dawn iċ-ċifri jaħbu differenzi sinifikanti fl-użu settorjali tal-ilma fil-kontinent. Fl-Ewropa tan-Nofsinhar, pereżempju, l-agrikoltura tirrappreżenta 60 % tal-ilma kollu estratt u f’ċerti żoni tilħaq sa 80 %.

Madwar l-Ewropa, l-ilmijiet tal-wiċċ, bħalma huma l-lagi u x-xmajjar, jipprovdu 81 % tal-ilma ħelu kollu miġbud u huma s-sors predominanti ta’ ilma għall-industrija, l-enerġija u l-agrikoltura. B’kuntrast għal dan, il-provvista tal-ilma pubblika tiddependi l-aktar fuq l-ilma tal-pjan minħabba li l-kwalità tiegħu hija ġeneralment ogħla. Kważi l-ilma kollu użat fil-produzzjoni tal-enerġija jerġa’ lura għal xi massa ta’ ilma, iżda dan mhux il-każ għall-parti l-kbira tal-ilma estratt għall-agrikoltura.

Id-desalinizazzjoni saret alternattiva għas-sorsi konvenzjonali ta’ l-ilma li qed tkompli tikber, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Ewropa li għandhom skarsezza ta’ ilma. Madankollu, fil-valutazzjoni tal-impatt globali fuq l-ambjent tad-desalinizazzjoni jeħtieġ li jitqies il-bżonn enerġetiku għoli u l-ilma mielaħ li jirriżulta minnha.

Noti lill-editur

Ir-rapport huwa disponibbli mill-indirizz  http://www.eea.europa.eu/publications/water-resources-across-europe

Ir-rapport se jiġi ppreżentat lill-istampa waqt il-ħames Forum Dinji dwar l-Ilma li se jittella’ f’Istanbul, it-Turkija: http://worldwaterforum5.org/

Dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)

Is-sede tal-EEA hija f’Kopenħagen. L-Aġenzija tgħin fil-kisba ta’ titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel fl-ambjent Ewropew billi tipprovdi tagħrif f’waqtu, immirat, rilevanti u affidabbli lil dawk li jfasslu l-politika u lill-pubbliku.

Tagħrif ta’ kuntatt

Għal talbiet ta’ informazzjoni mill-midja:

Is-Sa Gülçin Karadeniz,

Uffiċjal għall-Istampa

gulcin.karadeniz at eea.europa.eu

Tel. ċell. +45 23 68 36 53

Related content

Document Actions
Kummenti dwar traduzzjonijiet
Jekk jogħġbok, għinna intejbu l-kwalita' tat-traduzzjonijiet.
Sign up now!
Get notifications on new reports and products. Currently we have 33699 subscribers. Frequency: 3-4 emails / month.
Notifications archive
Follow us
 
 
 
 
 

This page was translated by the Translation Centre for the Bodies of the European Union (CdT)

European Environment Agency (EEA)
Kongens Nytorv 6, 1050, Copenhagen K, Denmark.
Phone: +45 3336 7100