Personal tools

li jmiss
preċedenti
punti

Aqbeż għall-kontenut. | Aqbeż għal navigazzjoni

Sound and independent information
on the environment

You are here: Home / Kamra tal-istampa / News releases / Ilma nadif fil-biċċa l-kbira tad-destinazzjonijiet tal-vaganzi fl-UE

Ilma nadif fil-biċċa l-kbira tad-destinazzjonijiet tal-vaganzi fl-UE

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 23 May 2012 Mibdul l-aħħar 25 Sep 2013, 01:44 PM
Għandna aħbar tajba għalik jekk qed tippjana li tmur vaganza f’xi bajja fl-Ewropa dan is-sajf: 92.1 % tal-ilmijiet għall-għawm fl-Unjoni Ewropea issa jilħqu l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma stabbiliti fid-Direttiva dwar l-ilma ghall-ghawm. Dawn jinkludu l-lag imsejjaħ “Serpentine Lake” f’Londra, li se jospita bosta avvenimenti tal-Olimpijadi, inklużi l-Maratona tal-Għawm f’ilmijiet miftuħin u t-taqsima tal-għawm tat-triatlon.

 Image © Dave Jones

Dawn ir-riżultati ġejjin mill-aħħar Rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-AEA) u tal-Kummissjoni Ewropea, li jiddeskrivi l-kwalità tal-ilma s-sena l-oħra f’iktar minn 22 000 sit tal-għawm li jinsabu fil-bajjiet, fix-xmajjar u fil-lagi madwar l-Ewropa.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Qed nieħu gost nara li, b’mod ġenerali, l-ilmijiet għall-għawm fl-Ewropa għadhom ta’ kwalità għolja, u li din il-kwalità tjiebet mis-sena l-oħra ’l hawn. Għadd kbir ta’ Ewropej huma mħassbin dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-kwalità tal-ilma u jridu jirċievu iktar tagħrif dwar dan. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu ħidmietna sabiex niżguraw li l-ilmijiet tagħna jkunu adattati għall-użi leġittimi kollha tagħhom - mill-għawm għax-xorb, u li l-ekosistema akkwatika inġenerali tkun b'saħħitha."

Il-Professoressa Jacqueline McGlade, id-Direttriċi Eżekuttiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, żiedet tgħid: “Il-kwalità tal-ilma fil-bajjiet u fis-siti l-oħra tal-għawm hija waħda mill-affarijiet ambjentali li tħasseb l-iktar liċ-ċittadini Ewropej. Iżda f’diversi pajjiżi għad hemm problema minħabba t-tniġġis mill-agrikoltura u mid-dranaġġ, għalhekk irridu naraw iktar sforzi jseħħu sabiex ikun żgurat ilma nadif u sikur għall-pubbliku.”

Ir-rapport sab li 77.1 % mis-siti kellhom kwalità eċċellenti tal-ilma, jiġifieri kienu jikkonformaw mal-valuri ta’ gwida l-iktar stretti – dan jirrappreżenta titjib ta’ 3.5 punti perċentwali mid-dejta tas-sena li għaddiet. Madwar 93.1 % tal-ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta ġew ikklassifikati bħala “suffiċjenti”, jew li jikkonformaw ma’ valuri obbligatorji inqas stretti – żieda ta’ 1 %. Inqas minn 2 % tal-ilmijiet għall-għawm ma kinux konformi mal-istandards.

Ċipru, il-Kroazja, Malta u l-Greċja kellhom rapporti eċċellenti dwar is-siti tal-ilma għall-għawm tagħhom, u kollha kellhom iktar minn 90 % tas-siti tal-ilma għall-għawm li laħqu l-valuri ta’ gwida l-iktar stretti (jiġifieri li kienu ta’ kwalità eċċellenti), u l-bqija tas-siti li kienu konformi mal-valuri obbligatorji. Fuq in-naħa l-oħra tal-iskala, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Bulgarija, il-Latvja, il-Lussemburgu u l-Belġju kellhom għadd relattivament baxx ta’ siti li jilħqu l-valuri ta’ gwida l-iktar stretti, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilmijiet interni.

Il-kwalità tal-ilma fid-destinazzjonijiet tas-sajf l-aktar popolari fl-Ewropa kienet ġeneralment tajba – fil-fatt, iktar minn 90 % tas-siti tal-ilma għall-għawm laħqu l-valuri obbligatorji. Fi Spanja, fl-Italja u fil-Portugall iktar minn 80 % tas-siti kellhom ilma ta’ kwalità eċċellenti.

Il-kwalità ġenerali tal-ilmijiet għall-għawn fl-UE tjiebet ħafna mill-1990 ’l hawn. L-għadd tal-ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta li mhux qed iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-ilma għall-għawm naqas minn 9.2 % tas-siti fl-1990 għal 1.5 % tas-siti fl-2011. L-għadd ta’ żoni tal-ilma intern għall-għawm li mhumiex konformi mal-valuri obbligatorji naqas minn 11.9 % fl-1990 għal 2.4 % fl-2011 – valur li huwa fost l-iktar perċentwali baxxi sal-lum.

Kuntest

L-ilma għall-għawm fl-Ewropa jeħtieġ li jikkonforma mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar l-ilma ghall-ghawm tal-2006, li għandha tiġi implimentata sa Diċembru tal-2014. Ta’ kull sena, l-UE tippubblika rapport fil-qosor dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm, imsejjes fuq ir-rapporti li l-Istati Membri għandhom jibagħtu qabel tmiem is-sena ta’ qabel. Fir-rapport ta’ din is-sena, is-27 Stat Membru, flimkien mal-Kroazja, il-Montenegro u l-Isvizzera, mmonitorjaw u rrappurtaw il-kwalità tal-ilma għall-għawm tagħhom, ħafna minnhom skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Żewġ terzi mis-siti għall-għawm kienu jinsabu fl-ilmijiet ta’ mal-kosta u l-bqija kienu jinsabu fix-xmajjar u fil-lagi. L-ikbar għadd ta’ ilmijiet għall-għawm ta’ mal-kosta jinsab fl-Italja, fil-Greċja, fi Franza u fi Spanja, filwaqt li l-Ġermanja u Franza għandhom l-ikbar għadd ta’ ilmijiet interni għall-għawm.

Il-laboratorji analizzaw il-livelli ta’ ċerti tipi ta’ batterji, inklużi l-enterokokki intestinali u l-batterji tal-Escherichia coli, li jistgħu juru li hemm it-tniġġis, l-iktar mid-dranaġġ jew mill-iskart tal-bhejjem. Is-siti huma kklassifikati bħala siti li jikkonformaw mal-valuri obbligatorji, siti li jikkonformaw mal-valuri ta’ gwida l-aktar stretti jew siti li mhumiex konformi mal-istandards.

Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jiksbu tagħrif dwar il-kwalità tal-ilma tal-post favorit tagħhom għall-għawm billi jiċċekkjaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma ghall-Ewropa (WISE). Dan is-sit jippermetti lill-utenti jniżżlu d-dejta u jiċċekkjaw il-mapep interattivi. Il-pubbliku jista’ jirrapporta wkoll dwar l-istat tal-ilma tal-lokal tiegħu billi juża s-sit tal-internet imsejjaħ “Eye on Earth”.

Għal aktar tagħrif ara:

Geographic coverage

EU27, Cyprus, Estonia, Poland, Denmark, Luxembourg, Ireland, Netherlands, Belgium, Latvia, Malta, Germany, Czech Republic, Hungary, Bulgaria, Sweden, Greece, Portugal, Spain, Italy, Austria, Finland, Romania, United Kingdom, France, Lithuania, Slovenia, Slovakia
Dokument ta’ Azzjonijiet
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100