You are here: Home Kamra tal-istampa News releases Il-kwalità tal-ilma għall-għawm fl-UE tibqa' għolja
Personal tools

Il-kwalità tal-ilma għall-għawm fl-UE tibqa' għolja

Change language
Published: Jun 10, 2010 Last modified: Oct 03, 2011
L-indafa tal-ilmijiet għall-għawm hija vitali għas-setturi ekonomiċi bħat-turiżmu u għall-ħajja tal-pjanti u l-annimali. Ir-rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent juri li fl-2009, 96% taż-żoni kostali tal-għawm u 90% tas-siti għall-għawm fi xmajjar u lagi kienu konformi mal-istandards minimi. Dan ir-rapport jiddeskrivi wkoll fejn jista' jinkiseb tagħrif dettaljat u aġġornat dwar siti għall-għawm.

Għal aktar titjib fil-kwalità tal-ilma għall-għawm tal-Ewropa jeħtieġ l-involviment taċ-ċittadin. Dan ifisser li, l-ewwel u qabel kollox, għandna niskopru u nifhmu l-istat preżenti tal-ambjent tagħna sabiex imbagħad nitolbu ilma aktar nadif mill-awtoritajiet rilevanti. L-għodda tagħna tal-internet jagħtu liċ-ċittadini aċċess aktar faċli għat-tagħrif ambjentali kif ukoll pjattaforma fejn jistgħu jsemmgħu l-osservazzjonijiet tagħhom.

Il-Professoressa Jacqueline McGlade, Direttriċi Eżekuttiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal, 'Fl-aħħar tletin sena, l-UE u l-leġislazzjoni nazzjonali tejjbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-ilma tal-Ewropa iżda l-ħidma tagħna ma tieqafx hawn. Minkejja l-esperjenza tagħna ta' għaxar snin ta' kwalità għolja, jeħtieġ li nkomplu nimpenjaw ruħna biex kemm intejjbu kif ukoll inżommu dak li ksibna.'

Il-Professoressa Jacqueline McGlade, Direttriċi Eżekuttiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, żiedet tgħid, 'Għal aktar titjib fil-kwalità tal-ilma għall-għawm tal-Ewropa jeħtieġ l-involviment taċ-ċittadin. Dan ifisser li, l-ewwel u qabel kollox, għandna niskopru u nifhmu l-istat preżenti tal-ambjent tagħna sabiex imbagħad nitolbu ilma aktar nadif mill-awtoritajiet rilevanti. L-għodda tagħna tal-internet jagħtu liċ-ċittadini aċċess aktar faċli għat-tagħrif ambjentali kif ukoll pjattaforma fejn jistgħu jsemmgħu l-osservazzjonijiet tagħhom.'

Sforzi biex itejjbu l-kwalità tal-ilmijiet għall-għawn għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-isforzi tal-Ewropa sabiex jintlaħaq livell ekoloġiku u ambjentali tajjeb skont id-Direttivi Qafas tal-UE dwar l-Ilma u l-Baħar.

Ir-riżultati għall-2009 jikkonfermaw tendenza pożittiva fit-tul

Mill-20 000 sit għall-għawm li ġew immonitorjati fl-Unjoni Ewropea matul l-2009, żewġ terzi minnhom kienu madwar il-kosta u l-bqija kienu fi xmajjar u lagi. Il-konformità mal-valuri obbligatorji (ir-rekwiżiti minimi ta' kwalità) fiż-żoni kostali żdiedet minn 80% fl-1990 għal 96% fl-2009. Għall-ilmijiet interni, iż-żieda kienet saħansitra ikbar, hekk kif żdiedet minn 52% għal 90%.

Bejn l-2008 u l-2009 kien hemm daqsxejn tnaqqis fl-għadd ta' ilmijiet li jissodisfaw l-istandards minimi, bi tnaqqis ta' inqas minn punt perċentwali (pp) għas-siti kostali u 3 pp għall-ilmijiet interni għall-għawm. Il-konformità mal-'valuri gwida' aktar stretti bejn l-2008 u l-2009 żdiedet bi ftit inqas minn 1 pp għas-siti kostali sabiex laħqet 89% iżda naqset bi 3 pp għall-ilmijiet interni għal 71%. Varjazzjonijiet annwali ta' din ix-xorta mhumiex rari meta mqabbla mal-livelli tal-aħħar snin.

Kważi s-siti kostali għall-għawm kollha f'Ċipru, Franza, il-Greċja u l-Portugal huma konformi mal-valuri gwida aktar stretti[1]. Fl-2009, ġew projbiti biss 2% tas-siti għall-għawm fl-UE, il-biċċa l-kbira tagħhom fl-Italja. Minkejja li fis-siti interni għall-għawm jidher li hemm varjazzjoni akbar fil-kwalità tal-ilma , il-maġġoranza kbira tas-siti interni fil-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u l-Isvezja kienu konformi wkoll mal-valuri gwida.

Erbatax–il Pajjiż Membru qegħdin jagħmlu monitoraġġ taħt id-Direttiva ġdida dwar l-Ilma għall-Għawm

Sabiex tiġi ddeterminata l-kwalità tagħhom, l-ilmijiet għall-għawm jiġu eżaminati skont numru ta' parametri u kimiċi mikrobijoloġiċi. Il-Pajjiżi Membri għandhom ikunu konformi mal-valuri obbligatorji mfassla mid-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm [2]  iżda jistgħu jagħżlu li ma jżommux mal-valuri gwida (mhux obbligatorji) aktar stretti.

Fl-2006 daħlet fis-seħħ Direttiva ġdida dwar l-Ilma għall-Għawm [3] , li aġġornat il-parametri u l-provvedimenti għall-monitoraġġ skont l-aħħar tagħrif xjentifiku  Id-Direttiva ġdida tagħmel enfasi akbar fuq li jiġi mogħti tagħrif lill-pubbliku dwar il-kwalità taż-żoni għall-għawm.  Il-Pajjiżi Membri għandhom sal-2015 biex jimplimentaw bi sħiħ id-Direttiva ġdida iżda erbatax-il Pajjiż Membru (Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Islovakkja, Spanja u l-Isvezja) diġà għamlu monitoraġġ taż-żoni għall-għawm tagħhom matul l-istaġun tal-għawm tal-2009 skont il-ħtiġijiet tad-Direttiva l-ġdida.

Aktar Tagħrif

 

 

[1] Dewmien fl-attivazzjoni tal-programm ta' monitoraġġ fil-Greċja wassal sabiex 830 sit għall-għawm li ġew immonitorjati fl-2008 ma ġewx immonitorjati kif suppost fl-2009 u b'hekk huma esklużi mir-riżultati globali Ewropej.

[2] Direttiva 76/160/KEE dwar il-kwalità tal-ilma għall-għawm

[3] Direttiva 2006/7/KE dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm

Document Actions
Kummenti dwar traduzzjonijiet
Jekk jogħġbok, għinna intejbu l-kwalita' tat-traduzzjonijiet.
Sign up now!
Get notifications on new reports and products. Currently we have 33699 subscribers. Frequency: 3-4 emails / month.
Notifications archive
Follow us
 
 
 
 
 

This page was translated by the Translation Centre for the Bodies of the European Union (CdT)

European Environment Agency (EEA)
Kongens Nytorv 6, 1050, Copenhagen K, Denmark.
Phone: +45 3336 7100