Erbgħin sena ta’ investimenti tejbu l-ilma għall-għawm tal-Ewropa

Biddel il-lingwa
Press Release Ippubblikat 20 May 2016 Mibdul l-aħħar 18 Jul 2016
L-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura ilma għall-għawm nadif u tajjeb għas-saħħa bdew erbgħin sena ilu, meta ħarġet l-ewwel Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm. Ir-rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm ippubblikat illum juri l-valur tal-leġiżlazzjoni u s-snin ta’ investiment fl-infrastruttura għad-drenaġġ u miżuri oħrajn għat-tnaqqis tat-tniġġis. Juri li l-kwalità tal-ilma għall-għawm tjiebet kontinwament maż-żmien, sal-punt li 96% tas-siti għall-għawm immonitorjati fl-Unjoni Ewropea laħqu l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma fl-2015.

 Image © Peter Kristensen

Il-valutazzjoni tagħna turi li l-kwalità tal-ilma għall-għawm tjiebet eċċezzjonalment tul is-snin. Kull ma jmur, l-ilma għall-għawm madwar l-Ewropa mhux biss laħaq ir-rekwiżiti minimi, iżda laħaq ukoll livelli eċċellenti. F’xi bliet, in-nies jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għawm f’banjijiet pubbliċi.

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA

 

Ir-rapport annwali dwar l-ilma għall-għawm mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Kummissjoni Ewropea jevalwa l-kwalità tal-ilma tal-għawm fl-2015, u jindika fejn hu mistenni li jkun tajjeb matul l-2016.

Ir-rapport fih analiżi ta' kampjuni tal-ilma meħuda minn iktar minn 21 000 sit għall-għawm kostali u interni minn madwar l-UE, l-Iżvizzera u l-Albanija li jindika jekk l-ilma ġiex ikkontaminat mit-tniggis fekali mid-drenaġġ jew mill-bhejjem.

Filwaqt li aktar minn 96 % tas-siti tal-għawm laħqu r-rekwiżiti minimi, aktar minn 84 % laħqu dawk l-iktar stretti u kisbu l-livell 'eċċellenti'. Bosta żoni turistiċi kbar u bliet bħal Blackpool, Kopenħagen u Munich wkoll bdew jibbenefikaw minn investimenti f’sistemi tad-drenaġġ imtejba, li qed iwasslu għal siti tal-għawm aktar nodfa fiż-żoni portwali, il-lokalitajiet fluvjali urbani u x-xtajtiet fil-qrib.

Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qal:"L-ilma għall-għawm Ewropew huwa 96% aċċettabbli u bi standard eċċellenti ta' 84%. Dan huwa r-riżultat ta’ 40 sena ta' investiment fl-infrastruttura tal-ilma u d-dranaġġ. Dan sinjal ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li taħdem tajjeb. U huwa xhieda perfetta tal-fatt li żona ekonomika tant evoluta bħal tagħna tista' tipproduċi standards ambjentali daqstant għolja .”

Hans Bruyninckx, id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA, qal:"Il-valutazzjoni tagħna turi li l-kwalità tal-ilma għall-għawm tjiebet eċċezzjonalment tul is-snin. Kull ma jmur, l-ilma għall-għawm madwar l-Ewropa mhux biss laħaq ir-rekwiżiti minimi, iżda laħaq ukoll livelli eċċellenti. F’xi bliet, in-nies jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għawm f’banjijiet pubbliċi.”

L-ilma għall-għawm tjieb kumplessivament biż-żmien. Fl-1991, 56 % tas-siti tal-ilma għall-għawm laħqu l-ogħla standards. Il-perċentwal tela' għal 87 % fl-2015, imsejjes fuq kważi 9 600 sit għall-għawm li ġew immonitorjati kull sena matul dan il-perjodu.

Sejbiet ewlenin oħra

  • Aktar minn 90 % tas-siti għall-għawm fi tmien Stati Membri kellhom ilma ta’ kwalità eċċellenti fl-2015: il-Lussemburgu (il-11-il sit għall-għawm kollha rrappurtati), Ċipru (99.1 % tas-siti tal-ilma għall-għawm), Malta (97.7 %), il-Greċja (97.2 %), il-Kroazja (94.2 %), l-Italja (90.6 %), il-Ġermanja (90.3 %) u l-Awstrija (90.2 %).
  • Madwar l-Ewropa, kienu biss 385 sit tal-għawm minn dawk ivvalutati li kellhom kwalità fqira ta’ ilma għall-għawm fl-2015. Is-sehem tassiti tal-ilma għall-għawm ikklassifikati bħala 'fqar' niżel għal 1.6 % fl-2015 minn 1.9 % fl-2014.
  • L-ogħla għadd ta’ siti għall-għawm bi kwalità tal-ilma ħażina nstabu fl-Italja (95 sit għall-għawm, 1.7 %), Franza (95 sit għall-għawm, 2.8 %) u Spanja (58 sit għall-għawm, 2.6 %).
  • Is-sehem tal-ilma għall-għawm bi kwalità eċċellenti żdied minn 78 % fl-2011 għal 84 % fl-2015.

  

Sfond

Għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni bħalma huma l-għawm, il-kontaminazzjoni fekali hija kawża ta’ tħassib għas-saħħa pubblika. L-għawm f'bajjiet jew lagi kontaminati jista' jwassal għall-mard. Is-sorsi ewlenin tat-tniġġis huma d-drenaġġ u l-iskular tal-ilma mill-irziezet u l-art agrikoltura. Dan it-tniġġis jiżdied waqt ix-xita qawwija u l-għargħar minħabba t-tifwir tad-drenaġġ u l-ilma tad-drenaġġ imniġġes li jgħaddi għal ġox-xmajjar u l-baħar. Erbgħin sena ilu, kwantitajiet kbar ta’ drenaġġ mhux ikkontrollat, mhux ittrattat jew parzjalment ittrattat kienu jispiċċaw f'ħafna mill-ilmijiet tal-Ewropa.

L-istaġun tal-għawm tal-2015 kien l-ewwel darba li l-Istati Membri kollha tal-UE mmonitorjaw is-siti għall-għawm tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva riveduta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ilma għall-Għawm (2006/7/KE). Id-direttiva tispeċifika jekk il-kwalità tal-ilma għall-għawm tistax tiġi kklassifikata bħala “eċċellenti”, “tajba”, “suffiċjenti” jew “fqira” skont il-livelli tal-batterji fekali misjuba .

L-eżitu tar-rapport se jkun fiċ-ċentru tal-#EUGreenWeek, mit-30 ta' Mejju sat-3 ta' Ġunju 2016, bħala parti mit-tema usa' ta' dis-sens, 'Ninvestu f'futur aktar ekoloġiku'.

Aktar tagħrif

Flimkien mar-rapport, l-EEA ippublikat mappa interattiva li turi l-prestazzjoni ta’ kull sit għall-għawm. Informazzjoni addizzjonali bħal rapporti tal-pajjiżi u d-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm tinsab fuq is-siti dwar l-ilma għall-għawm taż-ŻEE jew tal-Kummissjoni Ewropea.

Kontenut relatat

Data visualisations

Mapep relatati

Pubblikazzjonijiet relatati

Ara wkoll

Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100