Vetturi elettriċi: nimxu lejn sistema ta' mobilità sostenibbli

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 14 Nov 2016 Mibdul l-aħħar 21 Nov 2016, 04:05 PM
Is-soċjetà moderna tiddependi fuq il-moviment ta' prodotti u nies, iżda s-sistemi tagħna ta' trasport attwali għandhom impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Aħna tkellimna ma' Magdalena Jóźwicka, maniġer tal-proġetti ta' rapport li jmiss dwar vetturi elettriċi, dwar il-vantaġġi u l-isfidi ambjentali ta’ l-użu ta’ l-elettriku bħala alternattiva għall-fjuwils konvenzjonali għall-vetturi.

 Image © Norsk elbilforening

Daż-żmien liema tipi ta' vetturi elettriċi jintużaw madwar l-Ewropa?

Illum il-ġurnata hemm numru ta' tipi differenti. Meta nitkellmu dwar vetturi tal-passiġġieri nistgħu niddistingwu bejn il-vetturi elettriċi li jaħdmu biss bil-batterija – li jaħdmu permezz ta' mutur elettriku biss – kif ukoll tipi differenti ta' karozzi ibridi li tipplaggjahom li għandhom kemm mutur elettriku kif ukoll magna ta' kombustjoni interna.

Tipi oħrajn ta' vetturi jistgħu jaħdmu wkoll bl-elettriku. Fit-triq qegħdin naraw aktar u aktar roti, vannijiet u karozzi tal-linja elettriċi jintużaw. Fir-rigward ta' modi oħrajn ta' trasport għandna wkoll magni tal-ferrovija, mezzi ta' trasport tul korp ta’ l-ilma, vapuri u dgħajjes żgħar.

Kemm huma komuni l-vetturi elettriċi fl-Ewropa?

Kull sena qegħdin naraw aktar u aktar karozzi tal-passiġġieri elettriċi jinbiegħu, kemm vetturi li jaħdmu biss bil-batterija kif ukoll vetturi ibridi li tipplaggjahom. Is-sena li għaddiet, inbiegħu madwar 150 000 vettura elettrika ġdida fl-UE. Għalkemm il-bejgħ qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla f'termini ta' perċentwali, huwa għadu jikkostitwixxi frazzjoni żgħira tal-bejgħ globali, 1.2 % biss fl-2015. U aħna nistmaw li madwar 0.15 % biss tal-vetturi fit-triq huma elettriċi. Jew fi kliem ieħor, waħda minn kull 700 karozza tal-passiġġieri biss. Pajjiż importanti li għandu jissemma huwa n-Norveġja, li qiegħed fuq quddiem f'termini ta' bejgħ ta' karozzi elettriċi. Is-sena li għaddiet, madwar 34 000 vettura elettrika ġdida nbiegħu hemmhekk – dan jikkorrispondi għal waħda minn kull ħamsa tal-karozzi ġodda.

X'inhi l-politika Ewropea dwar vetturi elettriċi?

L-UE hija impenjata li tagħmel dekarbonizzazzjoni tas-sistema ta' trasport tagħha u tappoġġja alternattivi għal teknoloġiji u fjuwils tal-magna ta' kombustjoni konvenzjonali. Il-vetturi elettriċi huma biss element wieħed. Xi politiki jħeġġu l-iżvilupp ta' fjuwils u elettriku rinnovabbli; filwaqt li oħrajn jimmiraw lejn l-infrastruttura meħtieġa għall-vetturi elettriċi bħall-punti tal-iċċarġjar madwar l-Ewropa. Siltiet speċifiċi ta' leġiżlazzjoni jistabbilixxu miri għall-ammont ta' diossidu tal-karbonju (CO2) li vetturi ġodda jistgħu jitfgħu kull kilometru. Dawn għenu jinċentivaw manifattura ta' vetturi b'livell baxx ta' karbonju inklużi l-karozzi elettriċi.

Għaliex huwa importanti li jiġu inkorporati vetturi elettriċi fil-flotta tal-karozzi?

L-użu tal-fjuwils fossili fit-trasport jagħmel ħsara lill-kwalità ta’ l-arja lokali u l-klima tagħna. Dan iseħħ permezz ta’ l-emissjonijiet ta’ l-egżost tas-CO2 u inkwinanti ta’ l-arja li jagħmlu ħsara bħall-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikulata. It-traffiku tat-triq huwa s-sors ewlieni ta' storbju madwar l-Ewropa. Bla dubju, l-inkorporazzjoni tal-vetturi elettriċi fil-flotta tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) ġenerali u t-tniġġis tal-arja, b'mod partikolari jekk l-elettriku użat ikun ġej minn sorsi rinnovabbli. Iżda anke meta l-elettriku jkun iġġenerat mill-fjuwils fossili, l-ambjent urban xorta jista' jibbenefika minn bidla għal vetturi elettriċi meta jitqies it-tniġġis ta’ l-arja u l-livelli ta’ l-istorbju lokali mnaqqsa.

Għaliex il-vetturi elettriċi huma aktar mifruxa f'xi pajjiżi minn oħrajn?

Kważi l-pajjiżi kollha qegħdin jagħmlu xi ħaġa biex jippromwovu l-vetturi elettriċi, iżda ftit pajjiżi biss kisbu b'suċċess żidiet kbar fil-bejgħ. Per eżempju, fl-2015, disgħin fil-mija tal-vetturi elettriċi ġodda nbiegħu f'sitt Stati Membri biss ta’ l-UE – li huma d-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja, in-Netherlands u r-Renju Unit.In-Norveġja, imsemmija qabel, tinsab fuq quddiem f'dan il-qasam u hija eżempju tajjeb ta' pajjiż li juża pakkett komplut ta' inċentivi. Waħda mill-miżuri l-aktar effettivi hija s-sussidji tax-xiri li jagħmel il-prezz tal-vetturi elettriċi simili għal dak tal-karozzi konvenzjonali. Inċentivi oħrajn jinkludu spiża mnaqqsa tas-sjieda bħal tnaqqis fit-taxxa annwali jew iċċarġjar bla ħlas, parkeġġ bla ħlas jew użu ta' korsiji tax-xarabank għal karrozzi elettriċi.

X'inhuma l-isfidi li hemm quddiemna?

It-teknoloġija xorta teħtieġ li tittejjeb f'diversi modi sabiex il-konsumaturi jħaddnu l-elettromobbiltà b'mod aktar ġenerali.Per eżempju, il-medda tas-sewqan jeħtieġ li tkun itwal u l-veloċità ta’ l-iċċarġjar aktar mgħaġġla. Attwalment, il-ħin biex vettura tiċċarġja għal sewqan ta' 100 km fl-istazzjonijiet għall-iċċarġjar l-aktar mgħaġġla huwa ta' madwar 20-30 minuta. Jeħtieġ li jkollna wkoll infrastruttura aħjar fejn il-punti għall-iċċarġjar pubbliċi jsiru komuni bħall-istazzjonijiet ta' fjuwils konvenzjonali u li nespandu l-kapaċità tal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija rinnovabbli biex nieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji ta’ l-elettromobbiltà. Il-vetturi elettriċi huma wkoll aktar għaljin mill-vetturi konvenzjonali.

Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li s-sempliċi tibdil ta' vetturi konvenzjonali b'oħrajn elettriċi mhux ser isolvi ħafna mill-problemi li aħna nassoċjaw mat-trasport. Filwaqt li jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet GHG, fit-tniġġis ta’ l-arja u l-istorbju, il-vetturi elettriċi mhux ser isolvu problemi oħrajn bħall-konġestjoni jew id-domanda għal infrastruttura ġdida tat-toroq u l-ispazji tal-parkeġġ. Sabiex it-trasport ikun verament sostenibbli, aħna bħala soċjetà jeħtieġ li neżaminaw mill-ġdid is-sistema kollha tal-mobilità tagħna billi nħarsu lejn modi innovattivi kif nistgħu nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-vetturi. Dan jista' jinkludi tibdil bħall-użu ta ' skemi ta' qsim tal-karozzi, l-iżvilupp ta' infrastruttura aħjar tat-trasport pubbliku u ż-żieda fl-użu tal-modi tat-trasport b'emissjoni baxxa jew żero.

X'tagħmel l-EEA dwar il-vetturi elettriċi?

B'ħarsa 'l quddiem, din il-ħarifa aħna ser nippubblikaw żewġ pubblikazzjonijiet dwar il-vetturi elettriċi: gwida li tispjega fil-qosor l-istat attwali ta' għarfien dwar il-vetturi elettriċi fl-Ewropa, u laqgħa prospettiva qasira dwar xi wħud mill-impatti potenzjali fuq is-sistema ta’ l-enerġija u l-ambjent assoċjati ma' adozzjoni fuq skala kbira ipotetika ta' vetturi elettriċi sal-2050.

 

Magdalena Jóźwicka

Geographic coverage

Austria, Belgium, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czechia, Denmark, Estonia, Finland, France, Germany, Greece, Hungary, Ireland, Italy, Latvia, Lithuania, Luxembourg, Malta, Netherlands, Norway, Poland, Portugal, Romania, Slovakia, Slovenia, Spain, Sweden, United Kingdom
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100