Lejn sostenibbiltà globali

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 17 Dec 2015 Mibdul l-aħħar 15 Sep 2016, 10:50 AM
F'Awwissu ta' din is-sena, iktar minn 190 pajjiż laħqu kunsens dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti. U iktar tard dan ix-xahar, il-Kapijiet ta' Stat sejrin jadottaw din l-Aġenda flimkien ma'l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-miri tagħha fi New York. B'differenza mill-predeċessuri tagħhom, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) huma kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll għall-pajjiżi żviluppati u jiffokaw fuq firxa usa ta' suġġetti dwar l-iżvilupp sostenibbli. Ħafna mis-17 il-SDG jinkludu elementi relatati ma' l-ambjent, ma' l-użu ta' riżorsi jew mat-tibdil fil-klima.

 Image © Leyla Emektar, Picture2050 /EEA

Huwa inkoraġġanti li wieħed jara dan l-impenn globali u iktar komprensiv lejn is-sostenibbiltà. Li nirrikonoxxu li l-iżvilupp sostenibbli huwa kemm sfida kif ukoll ħtieġa għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk żviluppati huwa ċertament pass fid-direzzjoni t-tajba.

F'dan il-kuntest, l-għan ġenerali tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea huwa konformi ma' dak tal-SDGs: "Fl-2050, ngħixu tajjeb, u fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta". Fl-UE ddaħħlu fis-seħħ għadd sinifikanti ta' miżuri biex jintlaħaq dan il-għan. Madanakollu, in-natura globali ta' l-ekonomija u ta' l-ambjent tagħna tagħmilha iktar diffiċli għall-pajjiżi jew għal gruppi ta' pajjiżi li jaġixxu flimkien (bħall-UE) biex isolvu problemi ambjentali waħedhom. Pereżempju, irrispettivament minn fejn ikunu ġew rilaxxati, emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra jikkontribwixxu għal konċentrazzjonijiet atmosferiċi globali, u jipproduċu impatti 'l bogħod mis-sors — u potenzjalment fil-ġejjieni mbiegħed.

Mingħajr sforz globali u tranżizzjoni lejn sostenibbiltà ġenwina, qegħdin noħolqu riskju għall-benesseri u l-kwalità tal-ħajja fil-pjaneta kollha. Ir-rapport tagħna "L-ambjent Ewropew — il-qagħda u l-prospetti 2015" (SOER 2015) juri li l-mudelli attwali ta' konsum u ta' produzzjoni jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna — u paradossalment fl-istess ħin ipoġġuha f'riskju.

Navviċinaw il-limiti

SOER 2015 jinnota wkoll li hemm indikazzjonijiet li l-ekonomiji tagħna qegħdin joqorbu lejn il-limiti ekoloġiċi li huma inkorporati fihom, u li diġà qegħdin nesperjenzaw uħud mill-effetti ta' limitazzjonijiet fiżiċi u ambjentali tar-riżorsi. Stimi disponibbli jissuġġerixxu li l-konsum globali totali jaqbeż il-kapaċità riġenerattiva tal-pjaneta b'iktar minn 50 %. Fi kliem ieħor, qegħdin nikkunsmaw iktar milli l-pjaneta tagħna tista' tipproduċi f'perjodu partikolari mingħajr ma ndgħajfu l-kapaċità produttiva tagħha.

Ċerti megatendenzi globali jikkawżaw iktar tħassib. Illum il-ġurnata, mill-popolazzjoni globali ta' 7 biljuni inqas minn 2 biljuni jitqiesu bħala konsumaturi tal-klassi medja. Sal-2050, l-għadd ta' persuni fuq il-pjaneta huwa mistenni jlaħħaq id-9 biljuni, b'iktar minn 5 biljuni fil-klassi medja. Probabbilment dan it-tkabbir sejjer jintensifika l-kompetizzjoni globali għar-riżorsi u sejjer jeżerċita domandi addizzjonali fuq l-ekosistemi.

Sa l-2030 l-użu globali tal-materjali jista' jirdoppja. Huwa previst li matul l-20 sena li ġejjin id-domanda dinjija għall-enerġija u għall-ilma sejra tiżdied bejn 30% u 40%. Bl-istess mod, bejn issa u l-2050 id-domanda totali għall-ikel, għall-għalf u għall-fibra hija prevista li sejra tiżdied b'madwar 60%.

Iż-żieda fl-iskarsezzi tar-riżorsi u ż-żieda fil-kompetizzjoni jqajmu tħassib dwar is-sigurtà għall-aċċess għal provvisti ta' riżorsi prinċipali. Tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà ta' l-ikel, ta' l-ilma u ta' l-enerġija żied l-akkwisti transnazzjonali ta' artijiet f'dawn l-aħħar 5–10 snin, l-iktar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

L-Ewropa u s-sostenibbiltà globali

L-Unjoni Ewropea hija attur globali importanti bħala produttur u konsumatur. Attwalment l-impronta ekoloġika tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej taqbeż iż-żona bijoloġikament produttiva disponibbli, jew il-"bijokapaċità" tagħhom. Barra minn hekk, minħabba l-kummerċ tal-UE mal-bqija tad-dinja, sehem konsiderevoli tal-pressjonijiet ambjentali marbutin mal-konsum fl-UE jinħass barra mit-territorju tal-UE. Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar għaxar snin is-sehem tal-impronta ambjentali tad-domanda ta' l-UE li tiġi eżerċitata barra mill-fruntieri ta' l-UE żdied għall-użu ta' l-art, ta' l-ilma, u tal-materjali, kif ukoll għall-emissjonijiet fl-arja.

Fis-snin riċenti, kwistjonijiet ambjentali globali ġew inkwadrati f'termini ta' punti kritiċi, limiti u nuqqasijiet. Dan it-tfassil għadu ma ġiex rifless fis-soċjetajiet, fl-ekonomiji, fis-sistemi finanzjarji, fl-ideoloġiji politiċi u fis-sistemi ta' għarfien, li għadhom ma joperawx fi ħdan l-idea ta' limitazzjonijiet jew limiti planetarji. Madanakollu, il-pjaneta tagħna għandha ammonti limitati ta' riżorsi ewlenin bħall-ilma u l-art.

F'sistema ekonomika globali marbuta b'riżorsi limitati u li tiffaċċja domanda globali u degradazzjoni ambjentali dejjem tikber, l-unika opzjoni vijabbli hija ekonomija ekoloġika u effiċjenti fir-riżorsi. Tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika teħtieġ tibdil fundamentali fil-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw l-oġġetti u s-servizzi, nibnu l-bliet, nittrasportaw il-persuni u l-merkanzija, inkabbru l-ikel u affarijiet simili.

Politiki mmirati lejn l-ekoloġizzazzjoni ta' l-ekonomija m'għandhomx jitqiesu bħala ostakoli jew iqumu ħafna flus. Għall-kuntrarju, jistgħu jinbidlu f'opportunitajiet. Ħafna setturi ekonomiċi fl-Ewropa rnexxilhom jnaqqsu d-domanda għall-materjali u l-emissjonijiet jew kissru r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-emissjonijiet. Pereżempju, bejn l-2000 u l-2011 is-settur ta'l-ekoindustrija kiber b'iktar minn 50%. Huwa wieħed mill-ftit setturi ekonomiċi fl-UE li ffjorixxa mill-kriżi finanzjarja ta' l-2008.

Bl-istess mod, it-tkabbir tal-popolazzjoni u ż-żieda fil-kompetizzjoni għar-riżorsi jistgħu jitqiesu wkoll bħala forzi li qegħdin iġibu t-tibdil sistemiku meħtieġ. Biex nakkomodawhom, nistgħu nibdew billi nibnu bliet bi pjan ġeografiku fid-dinja kollha, b'sistemi ewlenin, bħall-enerġija, il-mobilità u t-trasport, li ma jeżerċitawx pressjoni fuq il-kapital naturali u li kemm jista' jkun iqarrbu lejn iż-"żero karbonju" u li ma "jaħlu xejn".

Hans Bruyninckx
Direttur Eżekuttiv tal-EEA

Editorjal ippubblikat fil-ħarġa Nru. 2015/3 tal-bullettin tal-EEA, Settembru 2015

Geographic coverage

Albania, Armenia, Austria, Azerbaijan, Belarus, Belgium, Bosnia and Herzegovina, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czech Republic, Denmark, Estonia, Finland, France, Georgia, Germany, Greece, Hungary, Iceland, Ireland, Italy, Kazakhstan, Kosovo, Kyrgyzstan, Latvia, Liechtenstein, Lithuania, Luxembourg, Macedonia, Malta, Moldova, Monaco, Montenegro, Netherlands, Norway, Poland, Portugal, Romania, Russia, San Marino, Serbia, Slovakia, Slovenia, Spain, Sweden, Switzerland, Tajikistan, Turkey, Turkmenistan, Ukraine, United Kingdom, Uzbekistan
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100