Personal tools

Notifiki
Irċievi notifiki dwar rapporti u prodotti ġodda. Frekwenza: 3-4 emails / xahar.
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
Ikona ta’ Twitter Twitter
Ikona tal-Facebook Facebook
Ikona tal-YouTube Kanal tal-YouTube
Lowgo RSS Feeds tar-RSS
Iktar

Write to us Write to us

For the public:


For media and journalists:

Contact EEA staff
Contact the web team
FAQ

Call us Call us

Reception:

Phone: (+45) 33 36 71 00
Fax: (+45) 33 36 71 99


li jmiss
preċedenti
punti

Aqbeż għall-kontenut. | Aqbeż għal navigazzjoni

Sound and independent information
on the environment

You are here: Home / Artikoli / Kull nifs li tieħu - Il‑kwalità tal‑arja fl‑Ewropa

Kull nifs li tieħu - Il‑kwalità tal‑arja fl‑Ewropa

Biddel il-lingwa
Topics: ,
* Il‑personaġġi f’din l‑istorja huma fittizji. Madankollu d‑dejta hija reali. L‑istorja ġrat fis‑27 ta’ Lulju 2008 meta nħarġet twissija dwar il‑kwalità tal‑arja fi Brussell


Anna għandha 37 sena u tgħix fiċ‑ċentru ta’ Brussell. Hi u binha żgħir Johan qed jippjanaw vjaġġ barra mill‑belt mimlija attività. Anna tbati mill‑ażma u t‑tabib tagħha wissiha dwar il‑perikli mit‑tniġġis tal‑arja, speċjalment fil‑ġranet jaħarqu tas‑sajf.

Anna semgħet dwar iċ‑ċpar oħxon ta’ Londra tas‑snin ħamsin li qatel 2 000 ruħ f’ġimgħa waħda. Għandha memorji ta’ tfulitha ta’ bullettini ta’ aħbarijiet ta’ filgħaxija li juru ħut mejjet u siġar li qed imutu hekk kif ix‑'xita aċida' bdiet tiġbed l‑attenzjoni tal‑poplu fis‑snin sebgħin.

Il‑maternità u attakk tal‑ażma reċenti ġustament fakkruha fit‑tniġġis tal‑arja. Il‑fatt hu li l‑emissjonijiet ta’ ħafna sustanzi li jniġġsu l‑arja naqsu sostanzjalment madwar l‑Ewropa kollha miż‑żmien tat‑tfulija ta’ Anna sal‑lum. L‑arja li hi u Johan jieħdu n‑nifs minnha hija aħjar ħafna meta mqabbla mal‑passat, u l‑politika dwar l‑arja hija waħda mill‑istejjer ta’ suċċess kbir tal‑isforzi ambjentali tal‑UE. B’mod partikolari, il‑politika tal‑UE naqqset b’mod impressjonanti l‑emissjonijiet tal‑kubrit, il‑komponent prinċipali tax‑'xita aċida'.

F’kuntrast għal dan, in‑nitroġenu — li huwa komponent ukoll importanti tax‑'xita aċida' — ma ġiex ittrattat sal‑istess punt u għalhekk għadu jkompli jikkaġuna problemi kbar. Proporzjon sinifikanti tal‑popolazzjoni urbana tal‑Ewropa għadha tgħix fil‑bliet fejn il‑limiti tal‑UE tal‑kwalità tal‑arja, li jipproteġu s‑saħħet il‑bniediem, jinqabżu b’mod regolari. Kull sena, imutu ħafna iktar nies qabel iż‑żmien minħabba t‑tniġġis tal‑arja fl‑Ewropa milli jmutu f’inċidenti tat‑traffiku.

Il‑mira Ewropea li jinkisbu livelli ta’ kwalità tal‑arja li ma jikkaġunawx ħsara għas‑saħħa tal‑bniedem jew tal‑ambjent għadha ma ntlaħqitx. Analiżi tal‑EEA tindika li 15 mis‑27 Stat Membru tal‑UE mhumiex se jilħqu mira waħda jew iktar minn dawk ġuridikament vinkolanti tagħhom tal‑2010 biex jitnaqqsu sustanzi li jniġġsu l‑arja li huma perikolużi.

Sustanzi partiċellari u ożonu

Żewġ sustanzi li jniġġsu, is‑sustanzi partiċellari (particulate matter) fini u l‑ożonu fil‑livell tal‑art, huma issa ġeneralment rikonoxxuti bħala l‑iktar sinifikanti fir‑rigward ta’ impatti fuq is‑saħħa. L‑espożizzjoni għal perjodu twil u għal livelli għoljin tista’ twassal għal varjetà ta’ effetti fuq is‑saħħa, li jvarjaw minn irritazzjoni sekondarja tas‑sistema respiratorja sa mewt prematur.

Is‑sustanzi partiċellari, terminu użat biex jiddeskrivi varjetà ta’ partiċelli fini minn sorsi bħad‑dħaħen tal‑vetturi u stufi domestiċi, jolqtu l‑pulmun. L‑espożizzjoni tista’ tikkaġuna ħsara lil persuni ta’ kull età, imma persuni li jkollhom problemi tal‑qalb jew respiratorji huma b’mod partikolari f’riskju.

Skont l‑iktar dejta reċenti tal‑EEA, mill‑1997 ’l hawn sa 50 % tal‑popolazzjoni urbana tal‑UE setgħet kienet esposta għal konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi partiċellari li huma ’l fuq mil‑limitu stabbilit tal‑UE biex jipproteġi s‑saħħet il‑bniedem. Sa 61 % tal‑popolazzjoni urbana setgħet kienet esposta għal livelli ta’ ożonu li jaqbżu l‑mira tal‑UE. Ġie stmat li l‑PM2.5 (sustanzi partiċellari fini) fl‑arja naqqset l‑għomor statistiku fl‑UE b’iktar minn tmien xhur.

L‑EEA innotat li filwaqt li l‑emissjonijiet ta’ dawn iż‑żewġ sustanzi ewlenin li jniġġsu niżel mill‑1997 ’l hawn, il‑konċentrazzjonijiet imkejla fl‑arja li minnha nieħdu n‑nifs baqa’, fil‑biċċa l‑kbira, l‑istess. S’issa għadna ma nafux għalfejn ma kienx hemm tnaqqis fil‑konċentrazzjonijiet ambjentali imma dan jista’ ikun minħabba kombinazzjoni ta’ diversi fatturi: żieda fit‑temperaturi minħabba l‑bidla fil‑klima jista’ jkun li qed jolqot il‑kwalità tal‑arja; jista’ jkun li qegħdin nirċievu t‑tniġġis ta’ kontinenti oħrajn jew minn emissjonijiet naturali ta’ sustanzi li jiffurmaw l‑ożonu rilaxxati mis‑siġar, pereżempju.

Ġurnata fil‑kampanja

Anna qiegħda tippjana ġurnata fil‑kampanja ma’ Johan. Qabel ma tħalli l‑appartament tagħha hija tillogja mal‑IRCEL, servizz tal‑gvern ta’ sit elettroniku li jipprovdi informazzjoni regolari dwar il‑kwalità tal‑arja fil‑Belġju. Bl‑użu tal‑mapep, Anna tista’ tifli bir‑reqqa l‑qari u l‑previżjonijiet għas‑sustanzi partiċellari, l‑ożonu, id‑dijossidu tan‑nitroġenu, id‑dijossidu tal‑kubrit fost ħafna oħrajn. Id‑dejta tintbagħat lis‑sit elettroniku mill‑istazzjonijiet ta’ monitoraġġ madwar il‑pajjiż.

It‑titjib fil‑monitoraġġ u d‑disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar it‑tniġġis tal‑arja jikkostitwixxu storja oħra minn dawk ta’ suċċess fis‑snin reċenti. Bħala eżempju, id‑dejta lokali dwar livelli ta’ ożonu issa tintbagħat lis‑servizz tal‑EEA 'Ozone web' (1) li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is‑sitwazzjoni madwar l‑Ewropa.

Anna tiskrolja fuq mappa tal‑Belġju, u tiffoka mill‑qrib fuq stazzjon ta’ monitoraġġ fiċ‑ċentru ta’ Brussell, inqas minn żewġ kilometri ’l bogħod mid‑dar tagħha.

Il‑qari, li ttieħed għaxar minuti qabel, juri livelli għoljin ta’ ożonu fi Brussell. Fil‑fatt is‑sit elettroniku jbassar li l‑livelli jkunu se jaqbżu l‑valuri mmirati tal‑UE iktar tard f’dik il‑ġurnata u mill‑ġdid fil‑ġurnata ta’ wara ( Figura 1).

Anna tħalli l‑bini tal‑appartament tagħha u terħilha lejn l‑eqreb stazzjon tal‑metrò, mixja ta’ 10 minuti bogħod. Barra fit‑triq, l‑impatt sħiħ tal‑problemi tat‑traffiku tal‑belt huma faċli biex wieħed jarahom — u jxommhom.

L‑emissjonijiet tad‑duħħan mill‑karozzi fiċ‑ċentru ta’ Brussell u l‑bliet maġġuri kollha, jirritaw il‑passaġġ respiratorju, l‑għajnejn u l‑pulmun. Anna u Johan jidħlu fl‑istazzjon lokali tal‑ferrovija tagħhom u jerħulha għall‑kampanja.

F’ħin qasir, Anna u Johan jinsabu deħlin f’park nazzjonali kemm kemm barra minn Brussell. Sinjal jgħidilhom li qed iżuru sit tan‑Natura 2000 — parti waħda min‑netwerk ekoloġiku mifrux mal‑Ewropa kollha, imwaqqaf biex jassigura ħabitati naturali u jippreserva d‑diversità ta’ pjanti u annimali.

Nitroġenu

Imma x’inhi din ir‑riħa? Trekter li qed jisprejja demel likwidu fuq għalqa ma jinsabx ’il bogħod ħafna. Din hija ħaġa tassew irritanti, tirraġuna Anna, imma hija wkoll parti mill‑ħajja vera fil‑kampanja li pjuttost tintwera b’mod iktar romantiku fil‑kotba bl‑istampi ta’ Johan.

Ir‑riħa qawwija hija kkawżata minn madwar 40 sustanza kimika differenti li jiġu rilaxxati mid‑demel. L‑ammonja (NH3), kompost volatili tan‑nitroġenu, hija waħda minnhom. F’konċentrazzjonijiet għoljin, l‑ammonja hija kawstika u tista’ tagħmel ħsara lill‑passaġġ respiratorju. Madankollu, hawnhekk il‑livelli mhumiex perikolużi għas‑saħħa tal‑bniedem. Anna tista’ tieħu nifs qawwi ta’ soljiev, għalkemm wieħed li jinten.

In‑nitroġenu huwa nutrijent essenzjali fin‑natura. Il‑forom reattivi tan‑nitroġenu effettivament jintużaw minn ġisimna biex jipproduċi l‑proteini. Madankollu, nitroġenu eċċessiv jista’ jwassal għal problemi ambjentali u ta’ saħħa gravi.

Ix‑'xita aċida' tifforma meta fl‑arja jkunu preżenti livelli għoljin ta’ kubrit u ossidi tan‑nitroġenu. Waħda mill‑istejjer kbar ta’ suċċess tal‑politika tat‑tniġġis tal‑arja matul l‑aħħar deċennji kienet it‑tnaqqis enormi tal‑emissjonijiet tad‑dijossidu tal‑kubrit. It‑32 pajjiż membru tal‑EEA naqqsu l‑emissjonijiet tal‑kubrit b’70 % bejn l‑1990 u l‑2006. Mill‑banda l‑oħra, in‑nitroġenu ma ġiex ittrattat daqshekk b’suċċess.

Bl‑emissjonijiet tal‑kubrit li qed jonqsu, in‑nitroġenu huwa issa l‑komponent prinċipali fl‑arja tagħna li jikkawża l‑aċidità. L‑agrikoltura u t‑trasport huma s‑sorsi prinċipali tat‑tniġġis min‑nitroġenu. L‑agrikoltura hija responsabbli għal iktar minn 90 % tal‑ammonja (NH3) waħidha biss.

F’daqqa waħda Johan, li issa ma kienx qed jimxi b’mod stabbli jitlef il‑bilanċ u jaqa’ f’roqgħa ta’ ħurrieq. Wara li ġabritu u farfritu, Anna tinnota l‑ħurrieq kullimkien. Għandha memorji ċari tagħhom ta’ meta kienet tifla fil‑ġnien ta’ ġar li kellha. F’dak iż‑żmien il‑ħurrieq kien jikber madwar munzelli tal‑kompost li kien jintuża wkoll biex jintrema fih demel tat‑tjur.

Ma kienet ebda kumbinazzjoni — il‑pjanta xewwieka hija indikatur ta’ konċentrazzjonijiet għoljin fil‑ħamrija.

L‑‘ewtrofizzazzjoni’ (eutrophication) hija l‑iktar kawża probabbli tal‑isplużjoni ta’ ħurrieq li qed idawru lil Johan. Din jiġri meta ammonti żejda ta’ nutrijenti kimiċi (bħalma huwa n‑nitroġenu) ikunu disponibbli għal xi ekosistema sew fuq l‑art kif ukoll fl‑ilma. Fl‑ilma jseħħ tkabbir żejjed tal‑pjanti segwit minn taħsir, li mbagħad iwassal għal effetti ulterjuri li jinkludu tnaqqis tal‑ossiġenu. Finalment il‑ħut u annimali u pjanti oħra jifgaw minħabba li l‑provvista tal‑ossiġenu tkun intużat kollha.

L‑abbundanza tal‑ħurrieq hawnhekk tissuġġerixxi li minkejja li huwa ħabitat protett, is‑sit tan‑Natura 2000 mhuwiex immuni kontra d‑depożiti ta’ nitroġenu li jinġarr fl‑arja. Is‑sies li jipproteġi ż‑żona ma joffri ebda difiża — fil‑fatt il‑bini ta’ serra madwar iż‑żona kollha tkun l‑uniku mod biex tipproteġiha totalment mis‑sustanzi li jinġarru fl‑arja.

 

Sforzi ta’ taffija għall‑bidla fil‑klima se jtejbu l‑kwalità tal‑arja

F’Jannar tal‑2008, il‑Kummissjoni Ewropea pproponiet pakkett tal‑Klima u l‑Enerġija biex:

  • tnaqqas l‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra b’20 % sal‑2020;

  • iżżid sehem l‑enerġija rinnovabbli b’20 % sal‑2020;

  • ittejjeb l‑effiċjenza tal‑enerġija b’20 % sal‑2020.

L‑isforzi meħtieġa biex jintlaħqu dawn il‑miri se jnaqqsu wkoll it‑tniġġis tal‑arja fl‑Ewropa. Pereżempju, it‑titjib fl‑effiċjenza tal‑enerġija u użu ikbar tal‑enerġija rinnovabbli se jwasslu t‑tnejn li huma għal tnaqqis fl‑ammonti ta’ kombustjoni ta’ fjuwil fossili — sors ewlieni tat‑tniġġis tal‑arja. Dawn l‑effetti sekondarji pożittivi ssir referenza għalihom bħala l‑'kobenefiċċji' tal‑politika tal‑bidla fil‑klima.

Ġie stmat li pakkett t’hawn fuq se jnaqqas l‑ispiża biex jintlaħqu l‑miri tal‑UE tat‑tniġġis tal‑arja b’EUR 8.5 biljun kull sena. Il‑flus imfaddla fis‑servizzi tas‑saħħa Ewropej jistgħu jkunu sa sitt darbiet ikbar minn dak l‑ammont.

Inħarsu ’l quddiem

Minħabba li t‑tniġġis tal‑arja ma jagħti ebda każ tal‑fruntieri nazzjonali, il‑problema teħtieġ li tiġi ttrattata fuq livell internazzjonali. Il‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijet Uniti dwar tniġġis tal‑arja transkonfinali fuq distanza twila (Konvenzjoni LRTAP) li sar qbil fuqha fl‑1979, ġiet iffirmata minn 51 pajjiż u tifforma l‑bażi tal‑ġlieda internazzjonali biex jiġi ttrattat it‑tniġġis tal‑arja.

B’mod parallel, l‑UE żviluppat linji ta’ politika li jillimitaw l‑emissjonijiet totali ta’ kull Stat Membru, u jistabbilixxu limiti li huma ġuridikament vinkolanti. Id‑Direttiva dwar il‑livelli nazzjonali massimi tal‑emissjonijiet (National Emissions Ceiling Directive — NECD) hija politka ewlenija tal‑UE. Hija tistabblixxi 'livelli massimi' jew limiti għal erba’ sustanzi li jniġġsu: dijossidu tal‑kubrit (SO2), ossidi tan‑nitroġenu (NOX), komposti organiċi volatili minbarra l‑metanu (NMVOCs) u ammonja (NH3). L‑Istati membri għandhom jilħqu dawn il‑livelli sal‑2010.

L‑EEA tikkunsidra li xorta għadu meħtieġ iktar tnaqqis fl‑emissjonijiet sabiex l‑ambjent u s‑saħħa jiġu protetti b’mod adegwat. Analiżi tal‑EEA tal‑iktar dejta reċenti tal‑NECD (2) tindika li 15‑il Stat Membru qed jistennew li ma jilħqux mill‑inqas wieħed mill‑erba’ livelli tagħhom; bi 13 jbassru li mhux se jilħqu l‑livelli għaż‑żewġ sustanzi li jniġġsu li fihom in‑nitroġenu NOX u NH3 (3).

Il‑Kummissjoni Ewropea tippjana li fl‑2009 tippubblika proposta biex tirrevedi d‑Direttiva attwali dwar il‑livelli nazzjonali massimi tal‑emissjonijiet (National Emissions Ceiling Directive — NECD), u tinkludi livelli massimi iktar stretti għas‑sena 2020. Limiti nazzjonali aktarx li se jiġu proposti għall‑ewwel darba għas‑sustanzi partiċellari fini (PM2.5) .

L‑NECD hija riflessa minn direttivi dwar il‑kwalità tal‑arja li jistabbilixxu limiti u miri ta’ valuri għas‑sustanzi importanti li jniġġsu. Direttiva ġdida msejħa CAFE (Arja Iktar Nadifa għall‑Ewropa — Cleaner Air For Europe (CAFE)) kienet adottata f’April tal‑2008. Għall‑ewwel darba hija tistabbilixxi valuri ta’ limiti li huma ġuridikament vinkolanti għal konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5 (sustanzi partiċellari fini), li jridu jintlaħqu fl‑2015. Il‑Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll iċċanfar lill‑pajjiżi minħabba li ma jkunux laħqu l‑limiti ta’ qabel u, fejn ma jkunux ġew previsti miżuri suffiċjenti biex tittejjeb il‑prestazzjoni, hija bdiet proċeduri ta’ ksur. Iktar tard filgħaxija f’dik il‑ġurnata, waqt li tkun qed tara l‑aħbarijet ta’ filgħaxija, Anna tara li tkun inħarġet twissija mill‑gvern b’reazzjoni għal livelli għolja ta’ ożonu ’il fuq mil‑limitu massimu tal‑UE. It‑twissija tagħti parir lin‑nies li jbatu minn problemi tan‑nifs biex jieħdu prekawzjonijiet bħal ngħidu aħna jevitaw eżerċizzju li jeħtieġ sforz kbir waqt li l‑livelli ta’ ożonu jibqgħu għoljin.

 

Referenzi

Id‑Direttiva 2008/50/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 208 dwar il‑kwalità tal‑arja fl‑ambjent u arja iktar nadifa għall‑Ewropa.

EEA, 2008b. EEA, 2008b. Rapport inventarju annwali tal‑Komunità Ewropea dwar l‑emissjonijiet tal‑Konvenzjoni dwar tniġġis tal‑arja transkonfinali fuq distanza twila (Konvenzjoni LRTAP). Rapport tekniku tal‑EEA Nru 7/2008.

EEA, 2009. Valutazzjoni tal‑ożonu fil‑livell tal‑art ġewwa l‑pajjiżi membri tal‑EEA b’fokus fuq xejriet fuq perjodu twil (fi preparazzjoni).

EEA. Indikatur tas‑sett ċentrali CSI‑04: Qabża tal‑limiti massimi tal‑valuri tal‑kwalità ta’ arja fiż‑żoni urbani.

Sit elettroniku tal‑EEA dwar l‑ożonu. Tniġġis mill‑ożonu madwar l‑Ewropa.

Kummissjoni Ewropea, 2002. Is‑Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal‑Komunità Ewropea 2002‑2012 (1600/2002/KE).

Kummissjoni Ewropea, 2005a. Direttorat Ġenerali għall‑Enerġija u t‑Trasport.

Strateġija tematika tal‑Kummissjoni Ewropea dwar it‑Tniġġis tal‑Arja (2005). Komunikazzjoni mill‑Kummissjoni lill‑Kunsill u lill‑Parlament Ewropew COM(2005)446 finali u l‑istqarrija għall‑istampa.

Kummissjoni Ewropea, 2005b. Strateġija Tematika dwar it‑Tniġġis tal‑Arja (2005). Komunikazzjoni mill‑Kummissjoni lill‑Kunsill u lill‑Parlament Ewrope. COM(2005)446 finali.

IIASA, 2008. 'Livelli nazzjonali massimi tal‑emissjonijiet għall‑2020 ibbażati fuq il‑Pakkett tal‑2008 tal‑Klima & Enerġija'. Rapport Nru 6 tal‑Analiżi tax‑Xenarju tal‑Livelli Massimi tal‑Emissjonijet (NEC). Istitut Internazzjonali għall‑Analizi b'Sistemi Applikati, Lulju 2008.

Task Force dwar in‑Nitroġenu Reattiv (TFNr), Konvenzjoni dwar tniġġis tal‑arja fuq distanza transkonfinali.

 

(1) It‑tniġġis tal‑ożonu madwar l‑Ewropa: http://www.eea.europa.eu/maps/ozone. Servizz simili, li jipprovdi informazzjoni lokali dwar il‑livelli ta’ sustanzi partiċellari madwar l‑Ewropa kollha qed jiġi żviluppat.

(2) Ir‑rapport tal‑istatus tad‑Direttiva tal‑livelli nazzjonali massimi tal‑emissjonijiet (Rapport tekniku tal‑EEA Nru 9/2008) jirreġistra d‑dejta rapportata uffiċjlament mill‑Istati Membri fl‑aħħar tal‑2007.

(3) Il‑Belġju, Franza, il‑Ġermanja u l‑Olanda jemmnu li politiki u miżuri ġodda, li għad mhumiex promulgati, se jgħinuhom jilħqu l‑limiti tal‑emissjonijiet tagħhom tal‑2010. Barra dan, diversi Stati Membri oħra jemmnu li se jiksbu aktar mil‑limiti oriġinali tagħhom.


Kontenut relatat

Geographical coverage

[+] Show Map

Dokument ta’ Azzjonijiet

Kummenti

Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100