li jmiss
preċedenti
punti

Article

Infrastruttura ekoloġika: ngħixu aħjar permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 14 Dec 2015 Mibdul l-aħħar 11 May 2021
Photo: © Birgit Georgi/EEA
Infrastruttura ekoloġika toffri soluzzjonijiet attraenti għal kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u għalhekk trid tiġi kompletament integrata tul oqsma ta' politika differenti. Hekk kif l-EEA qiegħda tipprepara biex tippubblika rapport dwar ir-rwol tal-infrastruttura ekoloġika biex ittaffi l-impatti ta' perikli naturali relatati mat-tibdil fil-klima u fit-temp, tkellimna mal-awtur ewlieni tiegħu, Gorm Dige, il-maniġer tal-proġett għall-ambjent territorjali, il-politika u l-analiżi ekonomika.

X'inhi l-infrastruttura ekoloġika u għaliex hija importanti?

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Infrastruttura Ekoloġika tiddeskriviha bħala għodda li tipprovdi benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, li tgħin fil-fehim tal-vantaġġi li n-natura toffri lis-soċjetà umana, u biex jiġu mobilizzati investimenti li jsostnu u jtejbu lil dawn il-benefiċċji. Fi kliem ieħor, hija netwerk ta' żoni naturali, semi naturali u spazji ekoloġiċi, li tipprovdi servizzi ekosistemiċi, li huma l-bażi tal-benesseri u tal-kwalità tal-ħajja tal-bniedem.

L-infrastruttura ekoloġika tista' tipprovdi diversi funzjonijiet u benefiċċji fl-istess żona spazjali. Dawn il-funzjonijiet jistgħu jkunu ambjentali (eż. il-konservazzjoni tal-bijodiversità jew l-adattament għat-tibdil fil-klima), soċjali (eż. il-provvista ta' skular għall-ilma jew spazji ekoloġiċi), u ekonomiċi (eż. il-provvista ta' impjiegi u żieda fil-prezzijiet tal-propjetà). Il-kuntrast ma' soluzzjonijiet ta' infrastruttura griża, li b'mod tipiku jissodisfaw funzjonijiet uniċi bħal skular jew trasport, jagħmel l-infrastruttura ekoloġika attraenti minħabba l-potenzjal tagħha li tindirizza diversi problemi fl-istess ħin. Għad hemm il-bżonn ta' infrastruttura griża tradizzjonali, iżda ħafna drabi tista' tissaħħaħ permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.

Pereżempju, infrastruttura ekoloġika tista' tintuża biex jitnaqqas l-ammont ta' ilma tax-xita skulat li jidħol fis-sistemi ta' drenaġġ u fl-aħħar mill-aħħar fil-lagi, fix-xmajjar u fin-nixxigħat, permezz tal-kapaċitajiet naturali ta' retenzjoni u ta' assorbiment tal-veġetazzjoni u tal-ħamrija. F'dan il-każ il-benefiċċji ta' infrastruttura ekoloġika jistgħu jinkludu sekwestru akbar tal-karbonju, titjib fil-kwalità ta' l-arja, mitigazzjoni ta' l-effett tal-gżira ta' sħana urbana, ħabitats addizzjonali ta' organiżmi selvaġġi u spazji għar-rikreazzjoni. Żoni ekoloġiċi jikkontribwixxu wkoll għall-pajsaġġ kulturali u storiku, jagħtu identità lill-postijiet, kif ukoll għax-xenarju ta' żoni urbani u periurbani fejn il-persuni jgħixu u jaħdmu. Ir-riċerka turi li soluzzjonijiet ta' infrastruttura ekoloġika huma inqas għaljin minn infrastruttura griża, u jipprovdu firxa wiesgħa ta' kobenefiċċji għall-ekonomiji lokali, għan-nisġa soċjali u għall-ambjent usa.

X'inhuma l-kwistjonijiet ewlenin li qiegħed jiffaċċja l-iżvilupp ta' infrastruttura ekoloġika?

L-infrastruttura ekoloġika hija relattivament ġdida u kumplessa, u m'hemmx definizzjoni rikonoxxuta b'mod wiesa'. Hemm ukoll nuqqas ta' analiżi u indikaturi kwantitattivi. Bħala riżultat ta' dan, dawk li jfasslu l-politika jsibuha diffiċli biex jintegraw l-infrastruttura ekoloġika fix-xenarju ta' politika. Madanakollu, xi karatteristiċi ta' l-infrastruttura ekoloġika jmorru kontra din it-tendenza. Pereżempju, ekopontijiet (ecoducts) u sistemi għall-ġestjoni ta' ilma naturali, bħal soqfa ekoloġiċi, għandhom it-tendenza li jkollhom funzjonijiet ċari u jeżistu miżuri biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tagħhom.

Il-każ finanzjarju għal infrastruttura ekoloġika jista' wkoll jidher ikkumplikat, iżda, minbarra li jipprovdi diversi benefiċċji, kif jidher hawn fuq, ħafna drabi hija orħos, iktar robusta u sostenibbli. Għalhekk minflok ma jaqgħu fuq soluzzjonijiet griżi bħal diegi u pajpijiet għall-għargħar, dawk responsabbli mill-ippjanar għandhom l-ewwel iħarsu lejn il-benefiċċji tar-restawr tal-pjanuri mfawra jew ta'l-artijiet mistagħdra.

Fl-aħħar nett, l-infrastruttura ekoloġika hija ankrata fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità ta' l-UE, iżda hija iktar minn strument għall-konservazzjoni tal-bijodiversità. Tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-implimentazzjoni ta'l-objettivi tal-politika ta'l-UE dwar l-iżvilupp reġjonali u rurali, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri, l-agrikoltura u l-forestrija, u l-ambjent.

X'inhi l-politika Ewropea dwar l-infrastruttura ekoloġika u x'qiegħed isir biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq?

L-Istrateġija dwar l-Infrastruttura Ekoloġika ta' l-UE tirrakkomanda l-integrazzjoni sħiħa ta' infrastruttura ekoloġika fil-politiki ta' l-UE sabiex issir komponent standard ta' l-iżvilupp territorjali fl-UE kollha. L-istrateġija tirrikonoxxi wkoll li l-infrastruttura ekoloġika tista' tikkontribwixxi għal firxa ta' politiki ta' l-UE li l-objettivi tagħhom jistgħu jinkisbu permezz ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, u tqiegħed l-użu ta' infrastruttura ekoloġika fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Tkabbir Ewropea 2020.

Barra minn hekk, l-għan ta' l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità huwa li jiġi żgurat li "sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom għandhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu restawrati mill-inqas 15 % ta' l-ekosistemi degradati". Tappella wkoll lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jivvalutaw l-istat ta' l-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom fuq livell nazzjonali. Din il-ħidma sejra tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-valur ekonomiku ta' servizzi ekosistemiċi, u tippromwovi l-integrazzjoni ta' dawn il-valuri fis-sistemi ta' kontabilità u ta' rapportar fuq livell ta' l-UE u dak nazzjonali sal-2020.

L-infrastruttura ekoloġika hija rikonoxxuta wkoll f'partijiet oħra tal-qasam tal-politika tal-UE, b'mod partikulari fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (7EAP), fil-Politika Reġjonali tal-2014–2020, fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, fid-Direttiva dwar in-Nitrati u fid-Direttiva dwar l-Għargħar, u fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima. Huwa ttamat li dawn l-inizjattivi kollha jwasslu għal titjib fl-użu ta' infrastruttura ekoloġika bħala għodda ta' politika u għal soluzzjonijiet prattiċi fuq livell lokali.

Kif tikkontribwixxi l-EEA għal din il-ħidma?

L-EEA kienet involuta f'riċerka dwar l-infrastruttura ekoloġika biex tappoġġja lil dawk li jfasslu l-politika u lill-pubbliku. Fl-2011, ippubblikajna r-rapport, Infrastruttura ekoloġika u koeżjoni territorjali, li ssottolinja l-importanza li jiġu żviluppati għodod biex jiskopru u jkejlu l-infrastruttura ekoloġika, u kkontribwixxa għat-twaqqif ta' miri u ta' prijoritajiet nazzjonali u reġjonali. Kien inkluż ukoll fil-Komunikazzjoni ta' l-UE dwar l-Infrastruttura Ekoloġika.

L-istudju tal-EEA, Analiżi spazjali tal-infrastruttura ekoloġika fl-Ewropa, jivvaluta l-infrastruttura ekoloġika bħala kunċett ekoloġiku u spazjali għall-promozzjoni tas-saħħa u tar-reżiljenza tal-ekosistemi, jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, u jibbenefika lill-bniedem billi jippromwovi l-provvista ta' servizzi ekosistemiċi bħall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-provvista ta' ħabitats ewlenin għall-bijota, u l-konnettività tal-ħabitats.

Rapport ta' segwitu tal-EEA, Nesploraw soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura - ir-rwol tal-infrastruttura ekoloġika fil-mitigazzjoni ta' l-impatti ta' perikli naturali relatati mat-tibdil fit-temp u fil-klima, huwa imminenti. Jibni fuq rapporti preċedenti biex juri kif l-infrastruttura ekoloġika tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni ta'l-effetti avversi ta' temp estrem u ta' avvenimenti relatati mal-klima, li huma fost il-perikli naturali l-iktar għaljin u l-iktar qattiela fl-Ewropa u fuq livell globali. Ir-rapport jiffoka fuq ċerti tipi ta' avvenimenti li probabbilment sejrin ikunu amplifikati mit-tibdil kontinwu fil-klima, jiġifieri uqigħ tal-art, valangi, għargħar u flussi kbar ta' ilma minħabba l-maltemp. Barra minn hekk, ir-rapport jittratta wkoll l-infrastruttura ekoloġika u s-servizzi ekosistemiċi li jikkontribwixxu għar-regolazzjoni tal-klima globali.

Gorm Dige

Intervista ppubblikata fil-ħarġa Nru 2015/3 tal-bullettin ta'l-EEA , Settembru 2015.

Permalinks

Geographic coverage

Temporal coverage

Dokument ta’ Azzjonijiet