Personal tools

Notifiki
Irċievi notifiki dwar rapporti u prodotti ġodda. Frekwenza: 3-4 emails / xahar.
Abbonamenti
${inkiteb} biex tirċievi r-rapporti tagħna (stampati jew/u f’forma elettronika) u n-newsletter elettronika ta’ kull tliet xhur.
Segwina
Ikona ta’ Twitter Twitter
Ikona tal-Facebook Facebook
Ikona tal-YouTube Kanal tal-YouTube
Lowgo RSS Feeds tar-RSS
Iktar

Write to us Write to us

For the public:


For media and journalists:

Contact EEA staff
Contact the web team
FAQ

Call us Call us

Reception:

Phone: (+45) 33 36 71 00
Fax: (+45) 33 36 71 99


li jmiss
preċedenti
punti

Aqbeż għall-kontenut. | Aqbeż għal navigazzjoni

Sound and independent information
on the environment

You are here: Home / Artikoli / Il-baħar

Il-baħar

Biddel il-lingwa
Il-bijodiversità marina taħt pressjoni

Il-provinċja ta’ Canakkale tinsab fuq iż-żewġ naħat tad-Dardanelli li jgħaqqdu l-Baħar ta’ Marmara mal-Baħar Eġew: ix-xtut tagħha jmissu kemm l-Ewropa kif ukoll l-Asja. Kien hawnhekk li Omeru ddeskriva ż-żiemel tal-injam mitiku ta’ Troja fl-Ilijade tiegħu, u 130 000 suldat mietu f’Gallipoli matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Illum, il-marina ta’ Canakkale tospita ħafna jots ikkuluriti, li jagħmlu waqfa qasira f’din iż-żona mogħnija bl-istorja u l-mitoloġija. Ftit kilometri lil hinn mal-kosta, f’Behramkale, niltaqgħu ma’ Saim Erol. Huwa wieħed mill-ftit sajjieda attivi li baqa’ f’dan ir-raħal tas-sajd żgħir imsejjes fuq is-sit tat-Tempju magħruf ta’ Atena u b’veduti tal-għaġeb tal-Ġolf ta’ Edremit.

‘Ilbieraħ qgħedt aktar minn 700 metru ta’ xbieki. Kull ma qbadt kienu erba’ muletti ħomor. Lanqas ħaqq id-dijżil li użajt!’ jgħid Saim, li ilu jistad f’dawn l-ilmijiet għal aktar minn 20 sena.

Il-fatt li hemm inqas ħut x’taqbad u aktar dgħajjes jiġru warajhom huwa punt ta’ dwejjaq. Waqt li jħares lejn id-dgħajsa ta’ sitt metri tiegħu u mbagħad lejn il-bastiment akbar li kien hemm fil-baħar, huwa jżid, ‘Kont naf kollox dwar din il-kosta, fejn hu tajjeb għas-sajd u meta. Imma l-affarijiet inbidlu. Dak li kont naf m’għadux aktar validu. Il-baħar inbidel.’

Matul l-aħħar 20 sena, waqt li ż-żona nbidlet f’post popolari mat-turisti, il-maġġoranza tas-sajjieda qatgħu qalbhom u issa jaqilgħu l-għajxien tagħhom jieħdu lit-turisti fi xtut remoti li jintlaħqu biss bid-dgħajsa. ‘Għall-inqas dak iħallilhom ftit flus x’iwarrbu għax-xitwa,’ jgħid Hasan Ali Özden, għalliem irtirat u sajjied dilettant. ‘Madwar ħames mili lejn il-punent, is-sajjieda f’Sivrice huma aktar iffortunati. Kultant jiltaqgħu ma’ passa migratorja ta’ pixxispad. U dawk jirrendu ħafna flus. Imma issa ilu ħafna snin ma jkollna sena ta’ abbundanza’.

It-tliet impatti tal-bidla fil-klima, l-ispeċi barranin invażivi u l-aċidifikazzjoni

Is-sajd jiddependi ħafna fuq ekosistemi marini b’saħħithom imma l-bidla fil-klima qed tbiddel kif jaħdmu l-affarijiet.

Il-Professur Nuran Ünsal mill-Università ta’ Istanbul jindika t-tibdil fil-mudelli tal-migrazzjoni u l-impatti tagħhom fuq l-istokks tal-ħut. L-ispeċi migratorji b’valur ekonomiku għoli, bħall-plamtu, is-serra tas-snien jew it-tumbrell, jimmigraw lejn in-nofsinhar sal-Mediterran fil-ħarifa u lejn it-tramuntana sal-Baħar l-Iswed fir-rebbiegħa, fejn jitgħammru. Sena wara sena, madankollu, qed ikun hemm anqas u anqas ħut li jimmigraw mill-Istrett tat-Torok.

‘Bidliet fit-temperaturi tal-ilma u l-irjieħ staġjonali, kruċjali għall-kurrenti meħtieġa, ħawdu l-mudelli tal-migrazzjoni tagħhom,’ jgħid il-Professur Ünsal, ‘tali speċi jeħtieġu kuntest speċifiku ħafna bit-temperatura tal-ilma u l-ammont tal-ikel addattati kif ukoll żmien biżżejjed biex jitgħammru.

‘Għoxrin sena ilu, huma kienu jimmigraw lejn in-nofsinhar f’Settembru. Issa, b’temperaturi tal-ilma aktar sħan fil-Baħar l-Iswed, huma m’għandhomx bżonn jimmigraw lejn in-nofsinhar qabel nofs Ottubru jew kmieni f’Novembru. Dan ifisser li jdumu inqas fil-Mediterran u minħabba f’hekk ikunu inqas u iċken meta jirritornaw lejn it-tramuntana.’

Il-ħut f’ilma aktar sħun jinqabad f’dilemma: kif jaddattaw, il-metaboliżmu tagħhom jgħaġġel iżjed. Huma jikbru aktar malajr, għalkemm ta’ spiss għal daqs ta’ adult iċken, u għandhom bżonn aktar ikel u aktar ossiġnu biex isostnu l-metaboliżmu ogħla tagħhom. Fl-istess ħin, kif togħla t-temperatura tal-ilma, jonqos l-ammont tal-ossiġnu li jkun hemm fih. Ħafna ħut iġarrbu dak li jissejjaħ ‘l-għafsa tal-ossiġnu’: il-bżonn tagħhom jiżdied u l-provvista tonqos.

Il-bidla fil-klima qed tbiddel ukoll is-salinità u l-aċidità tal-ilma baħar u l-mod kif jifforma s-saffi. L-impatt jista’ jkun katastrofiku. Dan jinkludi l-kollass tal-koralli, it-tixrid ta’ speċi invażivi u l-mard, it-telf tal-predaturi ewlenin u ultimament l-istruttura kollha tal-katina tal-ikel tal-baħar.

Speċi invażivi

Tard fit-tmeninijiet, l-istokks tal-inċova fil-Baħar l-Iswed ikkollassaw minħabba kombinazzjoni ta’ fatturi. Dawn kienu jinkludu s-sajd żejjed; iż-żieda tan-nutrijenti (speċjalment mix-xmara Danubju); temperaturi tal-ilma aktar sħan minħabba l-bidla fil-klima; u l-invażjoni ta’ speċi ġodda għar-reġjun, il-Mnemiopsis leidyi, combjelly oriġinarjament tinstab fil-majjistral tal-Atlantiku.

Introdotta fil-Baħar l-Iswed probabbilment permezz tal-ilmijiet tas-saborra tal-vapuri tal-merkanzija, il-Mnemiopsis leidyi tiekol il-larva tal-ħut kif ukoll l-organiżmi li altrimenti kienu jitimgħu lill-inċova. Fid-disgħinijiet, speċi oħra ta’ combjelly, il-Beroe ovata mill-majjistral tal-Atlantiku u li tiekol kważi esklussivament il-Mnemiopsis leidyi, kienet ukoll introdotta b’mod aċċidentali fl-ekosistema tal-Baħar l-Iswed. L-introduzzjoni ta’ dan il-predatur tal-Mnemiopsis leidyi, temperaturi aktar friski mill-1991 sal-1993 u tnaqqis fil-flussi tan-nutrijenti, flimkien ma’ tnaqqis fis-sajd matul il-kollas, naqqsu ftit mill-pressjonijiet fuq l-istokks tal-inċova. Minn dak iż-żmien, l-ekosistema tal-Baħar l-Iswed uriet xi sinjali ta’ rkupru.

Bidla simili f’ekosistema kienet osservata wkoll fil-Baħar Baltiku.

Sajd żejjed u l-bidla fil-klima alteraw il-komunità tal-ħut fil-Baltiku minn waħda ddominata mill-merluzz għal waħda ddominata mill-aringi u l-isprat.

Kemm jekk ikunu introdotti deliberatament kif ukoll jekk jidħlu aċċidentalment,

l-ispeċi barranin invażivi jistgħu joħolqu ħerba fost in-nies, l-ekosistemi u l-ispeċi nattivi tal-pjanti u l-annimali. Il-problema tal-ispeċi invażivi mistennija ssir agħar fis-seklu li ġej minħabba l-bidla fil-klima, żieda fil-kummerċ u t-turiżmu.

Karbonju blu: it-test aċiduż

L-oċeani tad-Dinja huma kbar ħafna, sink ‘blu’ tal-karbonju (jew maħżen tad-dijossidu tal-karbonju). Fil-fatt, huma l-akbar maħżen tal-karbonju fuq il-pjaneta, bil-kontraparti terrestri, inklużi l-foresti, jiġu t-tieni fil-bogħod. Dawn is-sinkijiet naturali ffunzjonaw b’mod effettiv għal eluf ta’ snin, jipproteġu l-pjaneta minn bidliet f’daqqa fil-klima minħabba l-gassijiet serra. Imma llum, id-dijossidu tal-karbonju qed jiżdied fl-atmosfera b’rata akbar milli l-art u l-oċeani jistgħu jassorbuh.

Tidħil imseddaq tad-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera żiedet l-aċidità medja tal-oċean. Sal-2100, l-oċean mistenni jkun aktar aċiduż minn kwalunkwe żmien ieħor matul l-aħħar 20 miljun sena. L-aċidifikazzjoni qed tnissel tnaqqis fl-ammont tal-joni tal-karbonat, li huma meħtieġa biex isiru l-aragonite u l-calcite — żewġ forom tal-korbonat tal-kalċju li ħafna organiżmi marini jużaw biex jibnu l-qoxra u l-materjal skeletali tagħhom.

Fl-Ewropa, ir-riċerkaturi bdew josservaw bidliet fil-qxur u l-iskeletri tal-organiżmi mikroskopiċi li jiffurmaw il-bidu tal-katina tal-ikel tal-baħar. Ir-rata li qed tonqos tal-kalċifikazzjoni mistennija jkollha effett negattiv immedjat fuq l-abilità tagħhom għas-sopravivenza u fuq għadd wiesa’ ta’ speċi li jgħixu minn fuqhom.

Il-qroll huma partikularment f’riskju għax juża l-kalċifikazzjoni biex joħloq l-iskeletri li huma dawk li naraw bħala sikek tal-qroll. Is-sikek tal-qroll huma l-abitat naturali ukoll ta’ madwar żewġ miljun speċi tal-baħar u s-sors ta’ kwart tal-qabda globali tal-ħut fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw madwar id-dinja. Il-konsegwenzi tal-aċidifikazzjoni jmorru lil hinn ħafna mill-effetti diretti fuq il-kalċifikazzjoni mill-organiżmi marini. Ilma aktar aċiduż jista’ jkollu impatt maġġuri fuq l-ispeċi tar-respirazzjoni bħall-klamari (11). Waqt li l-konsegwenzi sħaħ tal-aċidifikazzjoni tal-oċean għadhom ma ġewx iddeterminati kompletament, ġie stmat li sa sebgħa fil-mija ta’ dawn ‘is-sinkijiet blu tal-karbonju’ qed jintilfu kull sena — seba’ darbiet ir-rata tat-telf ta’ 50 sena ilu.

Bħall-foresti fuq l-art, l-ekosistemi marini għandhom irwol kruċjali x’iwettqu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. It-telf ta’ waħda minnhom ikun katastrofiku imma għad m’għandniex fehim sħiħ ta’ kemm il-ħajja taħt il-wiċċ tal-oċeani mistennija tinbidel malajr.

Insegwiment tal-ftit ħut li baqa’ fl-ibħra tagħna

Is-sajd żejjed huwa l-kawża ewlenija għan-nuqqas ta’ ħut fl-ibħra tagħna. Fl-Ewropa l-istampa tidher ħażina ħafna: kważi disgħa minn kull għaxar stokks kummerċjali fil-grigal tal-Atlantiku, il-Baħar Baltiku u l-Baħar Mediterran iġarrbu sajd żejjed. Madwar terz ta’ dawk tant huma milquta minn sajd żejjed li l-istokk jirriskja li jitlef il-kapaċità riproduttiva tiegħu.

Fl-aħħar għaxar snin, l-ammont totali ta’ ħut imtella’ l-art fl-Unjoni Ewropea naqas b’terz(12) u l-akwakultura fl-Ewropa ma kinitx kapaċi tikkumpensa għal dan. Il-konsum globali tal-ħut kull persuna kiber b’aktar mid-doppju mill-1973, bl-Ewropej jikkunsmaw bħala medja 21 kg ta’ prodotti tas-sajd kull sena, ftit aktar mill-medja globali ta’ 17-il kg, imma inqas mill-livelli tal-konsum tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Kanada ta’ madwar 25 kg. Hemm varjazzjoni wiesgħa fl-UE li tinfirex minn 4 kg kull persuna fir-Rumanija għal 57 kg fil-Portugall. 

Biex tkun sodisfatta d-domanda tal-Ewropa għall-ħut, madwar żewġ terzi tal-ħut jiġu importati(13). Għaldaqstant l-Ewropej għandhom impatt fuq l-istokks tal-ħut u l-produzzjoni tal-akwakultura madwar id-dinja kollha. Illum, il-konsumaturi, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut huma mħassba dejjem iżjed dwar is-sajd żejjed u ta’ spiss jirrikjedu garanziji li l-ħut li jikkunsmaw u jbigħu joriġinaw minn sajd ġestit tajjeb u sostenibbli. Imma tali assigurazzjonijiet huma diffiċli biex jingħataw għall-maġġoranza tal-istokks tal-ħut fl-ilmijiet Ewropej.

Fl-Ewropa, l-evalwazzjoni mill-ġdid attwali tal-Politika Komuni dwar is-Sajd(14) qed tikkunsidra mill-ġdid is-sajd minn perspettiva(15) marittima u ambjentali aktar wiesgħa. Se jkun hemm ħafna aktar enfasi fuq is-sostenibilità ekoloġika tas-sajd barra l-Ewropa u l-ħtieġa li r-riżorsi naturali jkunu ġestiti u sfruttati b’mod responsabbli mingħajr ma jkun ipperikolat il-ġejjieni tagħhom. Se jkun importanti li wieħed jara eżattament kif dan il-mudell ġdid biex ikun żgurat is-sajd Ewropew se jidħol fis-sistema internazzjonali eżistenti u l-proċess regolari propost għall-evalwazzjoni globali tal-ambjent tal-baħar.

Lejn evalwazzjoni globali tal-ambjent tal-baħar

Fl-2002, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli kien fih miri speċifiċi għall-ġestjoni tas-sajd, inkluż l-istabbiliment mill-ġdid tal-istokks tal-ħut għall-produzzjoni sostenibbli massima sal-2015. Identifika wkoll il-ħtieġa li jkun stabbilit ‘proċess regolari’ taħt in-Nazzjonijiet Uniti għal rappurtar u evalwazzjoni globali tal-istat tal-ambjent tal-baħar, inklużi l-aspetti soċjoekonomiċi attwali u previsti, u b’żieda mal-evalwazzjonijiet reġjonali eżistenti.

Dan il-pass importanti rrikonoxxa l-ħtieġa għal sforzi internazzjonali kkonċertati biex il-komun globali jkun protett u ġestit b’mod sostenibbli. Dan immarka l-bidu ta’ proċess konkret, orjentat lejn l-azzjoni biex ikun żgurat li l-pajjiżi jintrabtu ma’ sforzi sostnuti, fuq medda twila ta’ żmien u mmirati.

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti approvat il-proposta fl-2005(16) u fl-2009 rrikonoxxit ix-xogħol tal-Grupp tal-Esperti dwar il-bażi xjentifika ta’ evalwazzjoni globali. Madankollu, kif jiġri bil-proċessi internazzjonali kollha, l-implimentazzjoni tal-Proċess Regolari għal Rappurtar u Evalwazzjoni Globali se tieħu numru ta’ snin.(17)

11. "Our Endangered Oceans", Dr. Richard Moss, WWF

12 Eurostat, il-Kummissjoni Ewropea, id-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni ‘Riflessjonijiet dwar aktar riformi fil-Politika Komuni dwar is-Sajd’

13 Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/economic-sectors/fisheries/statistics/#stats

14 It-Trattati tal-UE jistabbilixxu l-ġestjoni tas-sajd bħala waħda mill-kompetenzi esklussivi tal-Komunità. Dan minħabba li l-ħut jiċċaqalqu minn ġurisdizzjoni nazzjonali għal oħra u s-sajjieda segwew il-ħut ħafna qabel ma kienu introdotti ż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi u tfasslet il-Politika Komuni dwar is-Sajd. Fl-2009, is-CEC ippubblikat karta ħadra li spjegat fil-qosor it-tibdiliet meħtieġa biex ikunu indirizzati wħud mill-problemi l-aktar kruċjali ffaċċjati mis-sajd Ewropew. Ir-Riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, Brussell, 22.4.2009COM(2009)163 final.

15 Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi l-qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008).

16 Riżoluzzjoni 60/30 tal-Assemblea Ġenerali dwar l-Oċeani u l-Liġi tal-Baħar

17 Riżoluzzjoni 61 tal-Assemblea Ġenerali dwar l-Oċeani u l-Liġi tal-Baħar

Geographical coverage

[+] Show Map

Dokument ta’ Azzjonijiet

Kummenti

Sir membru issa!
Irċievi notifiki dwar rapporti u prodotti ġodda. Attwalment għandna 32856 abbonati. Frekwenza: 3-4 posta elettronika / xahar.
Arkivju tan-notifiki
Segwina
 
 
 
 
 
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100