Għarfien ambjentali tal-futur

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 11 Aug 2016 Mibdul l-aħħar 15 Sep 2016, 10:50 AM
Il-profil tad-dejta ambjentali Ewropea nbidel b’mod konsiderevoli matul dawn l-aħħar erba’ deċennji. In-natura kumplessa tad-degradazzjoni ambjentali tappella għal analiżi iktar sistemika u dejta aktar relevanti biex jirfduha. Tul dawn l-aħħar snin, ix-xogħol ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent qiegħed dejjem iżjed jinkludi analiżijiet sistemiċi. L-EEA ser tkompli tidentifika kwistjonijiet emerġenti u sejra tgħin tespandi l-għarfien ambjentali ta’ l-Ewropa.

 Image © Immaġni © ESA, dejta Sentinella Copernicus ipproċessata mill-ESA

L-ewwel biċċiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-Unjoni Ewropea (UE) daħlu fis-seħħ iktar minn erba’ deċennji ilu. Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri tal-UE ġabru u rrappurtaw b’mod regolari dejta komparabbli fuq medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet ambjentali minn konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa kull siegħa fl-ibliet għall-kejl staġjonali tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Huma jżommu rendikont ukoll ta’ l-ammont ta' emissjonijiet ta’ gass serra tagħhom, il-konsum ta’ l-enerġija tagħhom, is-sustanzi niġġiesa rilaxxati minn faċilitajiet industrijali, id-daqs u l-lok ta’ żoni protetti, eċċ. Dawn il-flussi ta’ dejta huma essenzjali biex jimmonitorjaw il-progress u jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

It-teknoloġija użata fil-ġbir, fir-rappurtar u fl-analiżi tad-dejta ambjentali żviluppat bil-kbir f’dan il-perjodu. Issa nistgħu niġbru, naħżnu u nipproċessaw ammonti akbar ta’ dejta. Nistgħu wkoll ngħaqqdu flimkien flussi ta’ dejta biex dejjem iżjed infasslu analiżijiet iktar preċiżi dwar x’inhu jiġri u għaliex dan qiegħed jiġri. Il-mudelli jistgħu jagħmlu stima ta’ l-impatti tat-tniġġis ta’ l-arja billi l-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa ta’ l-arja jiġu pplottjati kontra d-densità tal-popolazzjoni f’postijiet definiti. Id-dejta minn osservazzjonijiet satelliti, li jinkludu dawk ġejjin mill-programm ta' osservazzjoni tad-dinja tal-UE Copernicus, tista’ tingħaqad ma’ dejta rrappurtata mit-tagħmir ta’ monitoraġġ fuq l-art u fuq il-baħar. Nistgħu nagħmlu stima ta’ l-impatti preżenti u futuri tad-degradazzjoni ambjentali u tat-tibdil fil-klima.

Regoli komuni ta’ l-UE jiżguraw il-kompatibilità tad-dejta u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ dejta u informazzjoni madwar l-Ewropa. Madankollu, biex wieħed jifhem it-tendenzi ambjentali, huwa essenzjali li jikkoopera mhux biss ma’ l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fuq livell Ewropew usa’ u fuq dak internazzjonali. Grazzi għan-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni ta’ l-Ambjent (Eionet) u s-sħab Ewropej u internazzjonali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent hija f’pożizzjoni unika li tipproċessa informazzjoni ambjentali u tipprevedi bżonnijiet ta' għarfien futuri.

Bżonn għal analiżi iktar sistemika

Minkejja d-diskrepanzi f’xi oqsma, l-għarfien attwali dwar l-ambjent huwa impressjonanti. L-għarfien tagħna ta’ kwistjonijiet speċifiċi espanda maż-żmien. Madankollu, dan l-għarfien imsaħħaħ enfasizza wkoll il-bżonn li nħarsu lejn l-"istampa l-kbira" – il-bżonn għal analiżijiet iktar sistemiċi, li nħarsu lejn sistemi sħaħ, bħas-sistemà tal-mobilità u s-sistema ta’ l-ikel. Il-monitoraġġ tal-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja javvanzana biss sa ċertu punt. Ma nistgħux nanalizzaw u nindirizzaw it-tniġġis ta’ l-arja mingħajr ma nħarsu lejn it-trasport, dijżilizzazzjoni tal-flotta tal-vetturi, l-agrikoltura, it-tifrix urban u t-tendenzi fil-konsum. L-ambjent huwa kumpless u l-bażi ta’ għarfien tagħna teħtieġ li tkun fattur f’din il-kumplessità. Ħareġ biċ-ċar li fil-futur, aħna dejjem iżjed ser ikollna bżonn għarfien sistemiku u trasversali.

L-analiżi sistemika tikkonstitwixxi l-qofol ta' L-Ambjent Ewropew – l-Istat u l-Perspettiva 2015 ta’ l-EEA l-aktar reċenti. Bix-xogħol tagħna fuq il-megatendenzi globali, ippruvajna nivvalutaw l-influwenza tat-tendenzi globali ta’ l-ambjent ta’ l-Ewropa u viċeversa. Rapporti tematiċi ta’ l-EEA jippruvaw jindirizzaw ukoll il-kwistjoni preżenti fi ħdan analiżi sistemika usa’.

Din it-tip ta’ analiżi ħafna drabi tappella għal tip differenti ta’ flussi ta’ dejta u ta' ġestjoni ta' dejta, li torbot mill-qrib id-dejta soċjo-ekonomika mad-dejta ambjentali. Barra minn hekk, iktar u iktar dejta qiegħda tinġabar miċ-ċittadini u mill-kumpaniji privati. Dan jista’ wkoll jeħtieġ li aħna nibnu sħubijiet ġodda ta’ dejta bejn il-pubbliku u l-privat, is-sidien lokali u globali u l-kolletturi.

Nibdlu dejta ambjentali f’għarfien

Barra mill-kwistjonijiet ta’ sjieda u ta' ġestjoni ta’ dejta, ammonti kbar ta’ dejta jippreżentaw sfida oħra: kif niddistillaw l-għarfien, l-għarfien relevanti għall-politika b’mod partikolari, minn flussi kbar ta’ dejta. X’għandna bżonn inkunu nafu biex intejbu aktar l-ambjent? Din ir-riflessjoni tista’ twassal biex tidentifika oqsma ġodda biex jiġu mmonitorjati, oħrajn biex ma jibqgħux jiġu mmonitorjati jew biex jiġu mmonitorjati inqas spiss. Tista’ wkoll teħtieġ il-bini ta’ konnessjonijiet ġodda bejn settijiet ta’ dejta. Barra minn hekk, l-għarfien meħtieġ minn pjanatur urban jista’ jkun differenti ferm minn dak ta’ leġiżlatur Ewropew. Kif jista’ l-għarfien ambjentali jikkontribwixxi għall-ġestjoni ta’ sistemi kumplessi bħall-ibliet?

B’kollaborazzjoni mill-qrib mas-sħab, l-EEA qiegħda tikkontribwixxi għall-bażi ta’ għarfien ambjentali tal-Ewropa b’valutazzjonijiet sistemiċi-integrati u tematiċi. Ma niffukawx biss fuq tendenzi tal-passat u fuq l-istat preżenti, iżda wkoll fuq kwistjonijiet emerġenti u bżonnijiet ta’ għarfien futuri.

Finalment, l-impatt tal-għarfien jiddependi fuq jekk huwiex użat u kif inhu użat. L-għarfien jeħtieġ li jkun aċċessibbli u relevanti biex iwassal għal titjib fl-ambjent. Jeħtieġ ukoll li jiġi kkomunikat u użat minn dawk li jistgħu jinfluwenzaw proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-EEA hija impenjata f'li tadatta, tipproduċi u tikkomunika għarfien ambjentali meħtieġ illum u fil-futur.

 

Hans Bruyninckx

Direttur Eżekuttiv ta’ l-EEA

Geographic coverage

Austria, Belgium, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czech Republic, Denmark, Estonia, Finland, France, Germany, Greece, Hungary, Iceland, Ireland, Italy, Latvia, Liechtenstein, Lithuania, Luxembourg, Malta, Netherlands, Norway, Poland, Portugal, Romania, Slovakia, Slovenia, Spain, Sweden, Switzerland, Turkey, United Kingdom
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100