Enerġija rinnovabbli: iċ-ċavetta għall-futur b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju fl-Ewropa

Biddel il-lingwa
Article Ippubblikat 11 Aug 2016 Mibdul l-aħħar 02 Dec 2016, 11:41 AM
Il-futur jidher pożittiv għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli li dejjem iżjed qed ikollhom rwol importanti hekk kif l-Ewropa tipprova tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-karburanti fossili. Tkellimna dwar l-opportunitajiet u l-isfidi quddiemna għall-enerġija nadifa ma’ Mihai Tomescu, espert dwar l-enerġija fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
Ritratt Pawel Kazmierczyk

Ritratt Pawel Kazmierczyk

Taħseb li l-Unjoni Ewropea sejra tilħaq il-mira tagħha tal-2020 li tissodisfa 20% tal-bżonnijiet tal-enerġija finali tagħha mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli?

Skont il-progress li għamilna s’issa, huwa probabbli li l-UE tilħaq din il-mira. Il-konsum ta’ enerġija rinnovabbli ta’ l-UE kompla jikber sena wara sena, u laħaq 16% tal-konsum finali ta’ l-enerġija fl-2014. Dan is-sehem huwa ogħla mit-trajettorja interim għall-Ewropa mid-Direttiva ta’ l-Enerġija Rinnovabbli, allura aħna qegħdin fit-triq it-tajba llum. Fuq livell nazzjonali l-istampa hija kemxejn iktar varjata, iżda l-maġġoranza l-kbira ta’ l-Istati Membri qegħdin jagħmlu progress tajjeb.

Il-konsum miżjud ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kien ta’ benefiċċju f’ħafna oqsma. Il-progress lejn il-miri ta’ l-UE u dawk nazzjonali jfisser li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qegħdin effettivament jieħdu post il-karburanti fossili u qegħdin jappoġġaw bidla strutturali lejn enerġija nadifa. Dawn l-iżviluppi promettenti jistgħu jippreparaw kumpaniji Ewropej biex jidħlu f’setturi ġodda ta’ l-enerġija globali fejn mistenni li jkun hemm tkabbir sinifikanti. Nosservaw ukoll interess dejjem jiżdied u appoġġ għal sorsi ta' enerġija nodfa – fattur li jista’ jgħin biex jaċċellera t-tranżizzjoni preżenti ta’ l-enerġija. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, xorta għandna ħafna xogħol quddiemna biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni ta’ l-enerġija.

L-UE tista’ qatt tiddependi għal kollox fuq enerġija rinnovabbli jew il-karburanti fossili dejjem se jkollhom irwol?

Bil-Ftehim ta’ Pariġi, id-dinja qablet li timxi lejn futur b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. L-Unjoni Ewropea diġà kienet stabbilixxiet miri ambizzjużi dwar il-klima u biex nilħqu l-objettivi tagħna ta’ dekarbonizzazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jeħtieġu li jilħqu mill-inqas 55 % sa 75 % tal-bżonnijiet ta’ l-enerġija tagħna sal-2050. Huwa ċar, li din hija sfida, imma naħseb li hija fattibbli.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma essenzjali għal sforzi fit-tul ta’ mitigazzjoni tal-klima u ser ikollhom rwol dejjem ikbar biex itejbu s-sigurtà ġenerali ta’ l-enerġija ta’ l-UE. Madankollu, il-bżonn tagħna għall-karburanti fossili probabbli jkompli għal ftit żmien, minkejja li d-dipendenza tagħna fuqhom bdiet tonqos. Barra mir-riskji ġeopolitiċi, il-karburanti fossili jiġu bi spejjeż esterni sproporzjonati għas-soċjetà fil-forma ta’ ħsarat għas-saħħa u għall-ambjent.

Filwaqt li l-prezzijiet sostnuti baxxi taż-żejt jista’ jkollhom impatt fuq il-kost-kompettività tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-perspettiva fit-tul għas-sorsi rinnovabbli hija waħda pożittiva. Teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli saru dejjem iżjed kost-kompetittivi. F’ħafna postijiet is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli diġà qegħdin jikkompetu b’suċċess ma’ teknoloġiji tal-karburanti fossili bi prezzijiet tas-suq. Barra minn hekk, kieku l-prezzijiet tal-enerġija kellhom jinternalizzaw aħjar l-impatti ambjentali assoċjati mal-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija, bħall-emissjonijiet ta’ l-arja, il-klima u l-ilma, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod ċar jisbqu t-teknoloġiji konvenzjonali.

L-Ewropa qiegħda tieħu rwol ewlieni biex tiżviluppa sorsi nodfa tal-enerġija?

Kif juri r-rapport ta’ l-EEA reċenti dwar l-użu tas-sorsi rinnovabbli fl-Ewropa, l-UE għamlet kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli fuq livell globali. Matul il-perjodu 2005-2012, l-Ewropa rreġistrat l-ogħla sehem fl-investimenti ġodda globali totali fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, maqbuża biss miċ-Ċina mill-2013.Fl-2014, l-UE-28 kellha l-akbar kapaċità fotovoltajka solari (PV) installata u konnessa fid-dinja – madwar tliet darbiet daqs iċ-Ċina – u l-akbar kapaċità eolika fuq livell globali.Madankollu, il-pass ta’ l-investiment fl-Ewropa tnaqqas dan l-aħħar, waqt li qed jiżdied f’partijiet oħrajn tad-dinja.

Rigward l-impjiegi fis-settur ta’ l-enerġija rinnovabbli, l-UE hija waħda mis-sħab globali ewlenin. Fl-2014, kellha t-tieni l-ogħla livell ta’ impjiegi fil-forza tax-xogħol f’dan il-qasam, wara l-Brażil. L-akbar impjegaturi fis-settur ta’ l-UE tas-sorsi rinnovabbli huma l-industriji tar-riħ, ta’ l-enerġija solari fotovoltajka u l-industrija tal-bijomassa solida. Rajna telf ta’ xogħol fl-industriji ta’ l-enerġija solari fotovoltajka u tar-riħ hekk kif il-kompetizzjoni miċ-Ċina qed tkompli tikber. Minkejja dan, is-sehem ta’ xogħlijiet relatati ma’ l-enerġija rinnovabbli fil-forza tax-xogħol tal-UE-28, jibqa’ sal-lum, akbar minn dak fiċ-Ċina.

X’inhuma l-isfidi li hemm quddiemna?

L-ewwel nett, il-pajsaġġ globali għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qiegħed jinbidel rapidament. Jekk l-Ewropa tixtieq iżżomm il-vantaġġ ta’ l-innovatur tagħha, għandha żżomm mal-livell tagħha ta’ impenn. Il-fatt li l-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rinnovabbli dan l-aħħar kien qiegħed jistagħġna, jissuġġerixxi li hemm il-potenzjal li jista' jintilef il-vantaġġ offrut mit-teknoloġiji avvanzati ta’ għada. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija Internazzjonali ta’ l-Enerġija tirrakkomanda t-triplikar ta’ l-infiq attwali għar-riċerka u l-iżvilupp fuq innovazzjoni ta’ enerġija nadifa.

Barra minn hekk, is-suq intern ta’ l-enerġija ta’ l-UE jeħtieġ li jiġi riformat biex ikun iktar effiċjenti u kapaċi jakkomoda l-livelli dejjem jikbru ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti. Sorsi rinnovabbli intermittenti ta’ l-enerġija bħall-enerġija solari fotovoltajka u l-enerġija mir-riħ jitimgħu l-elettriku fil-grilja meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jħalluhom. Skont ir-regoli eżistenti tas-suq, dawn is-sorsi ta’ enerġija mhumiex kapaċi li jġibu livelli ta’ prezzijiet xierqa u dan ser ikun jeħtieġ li jiġi indirizzat fil-futur. It-titjib fl-effiċjenza, it-trażmissjoni, l-interkonnessjoni transkonfinali, il-ħżin tal-enerġija u l-irwol iktar attiv għal ġestjoni fin-naħa tad-domanda ser ikunu importanti wkoll għat-tranżizzjoni ta’ l-enerġija.

L-EEA kif tiżgura użu iktar effettiv tal-enerġija rinnovabbli?

Aħna nipprovdu valutazzjonijiet regolari dwar il-progress lejn il-miri tal-UE, u nappoġġjaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa. Ir-rapporti tagħna joffru wkoll stat ta’ ħidma u aħna naġixxu bħala kamra ta’ l-ikklirjar għall-pajjiżi membri permezz tan-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (Eionet) tagħna fuq bażi annwali, biex nidentifikaw u niddiskutu kwistjonijiet relatati ma’ l-enerġija rinnovabbli.

 

Mihai Tomescu

Kontenut relatat

Related briefings

Pubblikazzjonijiet relatati

Ara wkoll

Geographic coverage

Austria, Belgium, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czech Republic, Denmark, Estonia, Finland, France, Germany, Greece, Hungary, Iceland, Ireland, Italy, Latvia, Liechtenstein, Lithuania, Luxembourg, Malta, Netherlands, Norway, Poland, Portugal, Romania, Slovakia, Slovenia, Spain, Sweden, Switzerland, Turkey, United Kingdom
Dokument ta’ Azzjonijiet
Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
Kongens Nytorv 6
1050 Kopenħagen K
id-Danimarka
Telefown: +45 3336 7100